104 persuni jlaqqtu multa għax kienu fi gruppi

Malta Police Force - 5 Apr

104 persuni ngħataw multa ta’ €100 kull wieħed waqt ir-rondi kontinwi li l-Pulizija qed tagħmel biex tassigura li ma jkunx hemm ġemgħat ta’ aktar minn tliet persuni f’postijiet pubbliċi. Dan qed jitqies bħala rekord ta’ multi li ngħataw fl-istess ġurnata.

Dan ħareġ mill-Bullettin li l-Gvern qed joħroġ kull filgħaxija bl-aħħar żviluppi dwar il-Covid-19 f’Malta.

Intant, f’Jum l-Għid ħadd ma nstab jikser il-kwarantina obbligatorja fil-230 spezzjoni li saru fl-aħħar 24 siegħa.  Madanakollu, ilbieraħ, waqt l-ispezzjonijiet fuq l-istabbilimenti, snack bar fil-Ħamrun inqabad miftuħ iservi klijenti bi ksur tar-regolmaenti u ġie mmultat €3,000.

Il-Gvern tenna l-appell tiegħu li kulħadd ikun responsabbli u jikkopera mad-direttivi li qed jingħataw mill-awtoritajiet. Abbużi għandhom jiġu rrappurtati fuq 21692447.

Intant, il-Pulizija tal-ALE flimkien mad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali u l-Protezzjoni Ċivili wettqu 530 spezzjoni b’rabta ma’ kwarantina mandatorja u 295 spezzjoni b’rabta mal-istabbilimenti.

Il-Pulizija tat-Traffiku ħarġu wkoll 64 multa fuq sewqan b’veloċità eċċessiva. Dawn saru fi Triq il-Kosta, fil-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar u fil-Mellieħa fost l-oħrajn. Wieħed saħansitra mess il-185 kilometru fis-siegħa f’zona ta’ 80 kilometru fis-siegħa.

Illum, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci ħabbret tmien każi ġodda ta’ coronavirus f’Malta.

B’kollox il-persuni li fiequ telgħu għal 44.

Għandek bżonn l-għajnuna? Ara fuq liema numri tista’ ċċempel

  • 111 – Għal dawk li jħossu sintomi tal-COVID-19 jew jixtiequ iktar informazzjoni
  • 21411 411 – Għal dawk fi kwarantina mandatorja li għandhom bżonn provvista ta’ ikel u mediċinali
  • 2294 4511/2294 4504 – Biex tirrapporta lill-pulizija każi ta’ ksur tar-regolamenti dwar saħħa pubblika u l-Covid-19
  • 1772 – Għal dawk li jħossuhom waħedhom
  • 1575 – Għall-ħaddiema biex jistaqsu dwar pagi u kundizzjonijiet ta’ xogħol
  • 1576 – Għal min iħaddem biex jistaqsu dwar pagi u kundizzjonijiet ta’ xogħol
  • 153 – Għal dawk li jridu tagħrif dwar il-miżuri fil-pakkett finanzjarju li qed jiġu amministrati mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali
  • 144 – Għal dawk li jridu tagħrif dwar il-miżuri fil-pakkett finanzjarju li qed jiġu amministrati mill-Malta Enterprise
  • 2204 2200 – Għar-residenti Maltin li nqabdu f’pajjiż ieħor u jridu jiġu lura Malta
  • 2598 1000 – Għal dawk li għandhom domandi dwar is-settur edukattiv
  • 2169 2447– Għal lukandiera u turisti li għandhom domandi dwar il-miżuri mħabbra
  • 2590 3030 – Għall-anzjani mingħajr sapport li għandhom bżonn mediċini, ikliet lesti jew prodotti tal-ikel (frott u ħaxix)
  • 2546 9111 – Għal dawk li jaħdmu fl-industrija tal-gaming

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn