103 studenti jtemmu korsijiet tal-MCAST f’Għawdex

Total ta’ 103 student temmew b’suċċess korsijiet taċ-Ċentru tal-Kulleġġ tal-MCAST f’Għawdex.

Stephen Cachia, Prinċipal u Uffiċċjal Kap Eżekuttiv tal-Kulleġġ,Ray Farrugia, Godwin Grech, Direttur taċ-Ċentru t’ Għawdex ippreżentaw iċ-ċertifikati matul għadd ta’ ċerimonji fiċ-Ċentru tal-MCAST, ix-Xagħra. L-istudenti temmew korsijiet fil-livelli ta’ ‘foundation’, ‘diploma’ u ‘extended diploma’ fis-servizzi fil-komunita, inġinerija elettrika u elettronika, u ICT. Ħafna minn dawn l-istudenti qed ikomplu l-istudji tagħhom f’livelli aktar għoljin fiċ-Ċentru t’ Għawdex jew f’xi wieħed mill-Istituti tal-MCAST f’ Malta.

Iċ-Ċentru tal-MCAST f’Għawdex joffri uħud mill-korsijiet tal-għaxar Istituti tal-MCAST fil-gżira Maltija biex jgħin studenti li jgħixu Għawdex isegwu programmi ta’ edukazzjoni vokazzjonali mingħajr ma jkollhom jaqsmu l-fliegu. L-għażla ta’ korsijiet offruti hija mmirata wkoll biex tilqa’ għall-ħtiġijiet tal-ekonomija Għawdxija.