“100,000 persuna f’Malta m’għandhiex lil min tafda”

Read in English.

Riċerka ġdida li tanalizza r-relazzjonijiet bejn in-nies f’Malta, u l-qagħda emozzjonali u soċjali tal-individwi, turi li aktar minn 100,000 persuna m’għandhiex lil min tafda.

Din ir-riċerka saret mill-Prof. Andrew Azzopardi, id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fi ħdan l-Università ta’ Malta, u Prof. Marilyn Clark mill-istess fakultà. Kienet issapportjata minn Jamie Bonnici, li huwa l-Uffiċjal tar-Riċerka tal-Fakultà. L-informazzjoni nġabret mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) b’ċans minimu ta’ żball, peress li ttieħdet informazzjoni minn numru kbir ta’ individwi. In-nies intervistati għandhom minn 11-il sena ‘l fuq.

Kemm-il persuna tħossha waħedha? U l-ħbiberiji?

Prof. Azzopardi ddeskriva xi wħud mir-riżultati bħala xokkanti. Pereżempju l-fatt li 180,470 persuna, jiġifieri 44% mit-total ta’ nies mistoqsija, iħossuhom waħedhom. 51,252 persuna qalet li ma tħosshiex f’postha fil-komunità. 29,775 persuna jħossu li m’għandhomx ma’ min jitkellmu. Ftit inqas mid-doppju ta’ dan, 55,114 persuna jħossu li m’għandhomx nies għand min jirrikorru meta tinqalgħalhom xi problema, u 75,010 persuna ma jħossux li jistgħu jċemplu lil ħbiebhom meta jiġu bżonnhom.

Min-naħa l-oħra, 44,660 persuna jidhru li jbatu meta jkollhom jaffaċċjaw sfidi tal-ħajja. 16,759 persuna jħossuhom irrifjutati, 19,555 persuna jimmissjaw li jkollhom xi ħabib tal-qalb, filwaqt li 65,290 persuna jħossu ħafna vojt f’qalbhom.

Dwar id-dħul finanzjarju

19.5% tan-nies intervistati, jiġifieri 83,821 persuna, iħossu li d-dħul fil-familja tagħhom huwa baxx.

In-nies b’diżabbiltà kif iħossuhom?

Dan l-istudju ħares ukoll lejn gruppi speċifiċi fil-populazzjoni, bħall-persuni b’diżabbiltà. Minn dawn, 16,936 persuna jħossu li hemm limitu fl-aċċess tagħhom għall-attivitajiet minħabba d-diżabbiltà li għandhom. 15,957 iħossuhom limitati meta jiġu biex jissoċjalizzaw, u Prof. Azzopardi qal li dan jixħet dawl fuq l-industrija tad-divertiment f’Malta.

Ftit pożittività…

L-istatistika mhijiex waħda negattiva biss, iżda hemm xi numri inkoraġġanti. Fost dawn hemm 382,738 ċittadin iħossuhom pożittivi dwar ħajjithom.