10,000 pellegrin jattendu ‘l Quddiesa għall-Ħajja

L-Arċisqof Joseph F. Naumann, Chairman tal-Kumitat Favur il-Ħajja tal-Konferenza Episkopali Amerikana fl-Omelija waqt il-Quddiesa għall-Ħajja . Credit: Peter Zelasko/CNA

Hu stmat li madwar 10,000 pellegrin ivjaġġaw minn diversi partijiet tal-Istati Uniti u partijiet oħra tad-dinja biex jattendu għall-Quddiesa tal-ftuħ tal-Velja Nazzjonali ta’ Talb għall-Ħajja li saret nhar il-Ħamis li għadda fil-Bażilika tas-Santwarju Nazzjonali tal-Immakulata Kunċizzjoni, f’Washington.

Flimkien ma’ dawn il-pellegrini kollha kien hemm 46 djaknu, 303 saċerdoti, 39 Isqof u tliet Kardinali li ħadu sehem fil-Quddiesa li saret qabel ma bdiet il-Mixja għall-Ħajja. Iċ-ċelebrant ewlieni kien l-Arċisqof Joseph F Neumann ta’ Kansas li hu wkoll iċ-Chairman tal-Kumitat Favur il-Ħajja, flimkien man-Nunzju Apostoliku għall-Istati Uniti.

Kultura tal-Abort

Fl-Omelija, l-Arċisqof Naumann qal li kien ferm ferħan bil-preżena ta’ tant Pellegrini favur il-ħajja għax din hi xhieda qawwija kontra l-kultura tal-abort.

Tkellem ukoll dwar iż-żjara ‘ad limina’ li għamel lill-Papa Franġisku riċentement u fiha tkellmu dwar il-kontroversja li qamet riċentement fil-Konferenza Episkopali Amerikana dwar jekk l-abort hux l-akbar problema soċjali ta’ żmienna. L-Arċisqof qal li l-Papa deher konfuż dwar għaliex dan kellu jqajjem kontroversja u sostna li iva, l-abort hu l-aktar kwestjoni soċjali importanti.

“Il-Papa hu magħkom. Qed jitlob għalikom. Għandkom l-appoġġ tiegħu. Ħbieb, is-suċċessur ta’ Pietru hu magħna”, insista l-Arċisqof.

L-aġenzija tal-aħbarijiet “Catholic News Agency” tkellmet ma’ uħud minn dawk preżenti u staqsiet għaliex iħossu li għandhom jipparteċipaw fil-Velja u l-Mixja Favur il-Ħajja.

Il-ħajja sabiħa

Jenna Perrey u Grace Fender ħadu sehem fil-Mixja għall-ewwel darba.  Huma kellhom vjaġġ ta’ 22 siegħa bil-karrozza biex waslu Washington biex jaraw il-follol li jappoġġjaw il-Ħajja u riedu jipparteċipaw ma’ eluf oħra favur il-Ħajja. Mid-djoċesi tagħhom ta’ Jefferson kien hemm sitt buses mimlija Pellegrini. Fender qalet li riedet tagħmel din l-esperjenza għall-ewwel darba u tara tant nies jimmarċjaw għall-istess kawża. “Il-Ħajja hi sabiħa”.

Emma Galles, tfajla ta’ 18-il sena mill-Istat ta’ Iowa qalet li din kienet it-tieni darba li ħadet sehem f’din il-Mixja.  “Ma tant eluf ta’ nies tinduna li m’intix waħdek f’din il-ġlieda. Hi qalet li Favur il-Ħajja għax mingħajr id-Dritt tal-Ħajja, ebda dritt ieħor ma jiswa. Id-Dirtt għall-Ħajja hu l-aqwa dritt li għandu jkollu kull bniedem.”

Jayla Johnson, ta’ 15 u Tanina Sentementas, ta’ 16-il sena, waslu minn Connecticut flimkien ma’ student mill-Iskola St. Paul Catholic High School. Għalkemm dejjem attendiet skejjel tal-Knisja, Johnson qalet li qatt ma tgħallmet dwar ir-realtà tal-abort qabel waslet fit-tmien klassi. “Imbagħad fhimt kemm hu ħażin u għandi niġġieled kontrih”.

Sentementas qalet li tul il-vjaġġ ta’ tmien siegħat kellha ċans titkellem ma’ ħafna student oħra. “Jien favur il-ħajja għax irrid inkun vuċi għat-trabi li ma għandhomx vuċi”.

Wieħed mid-39 Isqof preżenti, kien l-Isqof Richard Umbers, Isqof Awżiljarju tad-djoċesi ta’ Sydney fl-Awstralja. Hu vjaġġja ma grupp ta’ student Awstraljani minn Sydney għal Washington.  Hu attenda għal din il-Mija Favur il-Ħajja, flimkien ma’ grupp ieħor ta’ student is-sena li għaddiet u dan tant ħalla impatt kbir fuqu li ddeċieda li jerġa’ jagħmel din l-esperjenza din is-sena.