10,000 applikaw għall-benefiċċji soċjali minħabba l-coronavirus – Falzon

Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li madwar 10,000 persuna applikaw għal waħda mill-erba’ skemi ta’ benefiċċji soċjali li tneddew matul l-imxija tal-coronavirus.

Meta kien qed jitkellem waqt il-ħin tal-mistoqsijiet fil-Parlament, Falzon qal li huwa indikattiv ħafna l-fatt li 60% applikaw għal parent benefit jiġifieri skema li nħolqot apposta biex tgħin lil dawk il-ġenituri li tilfu l-post tax-xogħol minħabba li l-iskejjel jinsabu magħluqin u jridu joqgħodu mat-tfal. Hu kompla jgħid li 80% ta’ dawn huma nisa.

Hu stqarr li dan jixhed l-progress li sar mill-movimenti femminili f’dawn l-aħħar snin biex aktar nisa daħlu fid-dinja tax-xogħol.

Falzon qal li din il-ġimgħa għadu kif ħareġ il-ħames pagament ta’ dawn il-benefiċċji, liema pagament ilaħħaq €7.5 miljun. Falzon qal li filwaqt li 98% tal-applikazzjonijiet ġew ipproċessati, mhux kulħadd tħallas. Qal iżda dawn li l-persuni li tilfu x-xogħol ġew aġevolati biex l-pagament tagħhom joħroġ minnufih bl-għajnuna ta’ Jobplus.

Huwa qal li permezz ta’ dawn il-benefiċċji sal-aħħar tas-sena, il-valur tal-għajnuna soċjali se tkun qabżet €1 biljun. Falzon qal li madanakollu l-ikbar spiża ta’ benefiċċju kontributorju tibqa’ l-pensjonijiet lil madwar 93,000 persuna.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn