1,000 vettura tal-Gvern fil-Ministeri u l-entitajiet

Il-Gvern xtara 1,007 vetturi tul is-snin kollha u li bħalissa qed jintużaw fid-diversi Ministeri u l-entitajiet. Dan joħroġ minn għadd ta’ tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari tad-deputat Nazzjonalista David Thake. Fil-Parlament, David Thake staqsa lid-diversi Ministri biex jgħidu kemm inxtraw u kemm inkrew karozzi għall-Ministeri jew għall-entitajiet li jaqgħu taħthom.

Għalkemm Thake staqsa lil kull Ministeru, tlieta minnhom qalu li l-informazzjoni għadha qed tinġabar. Dawn kienu l-Ministeru għas-Saħħa, il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Ministeru għall-Enerġija u l-Immanniġġar tal-Ilma. L-uffiċċju tal-Prim Ministru ma kienx mistoqsi biex jagħti dawn id-dettalji.

L-elenku li ġie mfassal minn Newsbook.com.mt juri l-ammont sena b’sena ta’ karozzi li nxtraw jew inkrew mill-Ministeru u l-entitajiet tagħhom.

L-aktar Ministeru li xtara vetturi huwa dak tal-Intern hekk kif taħtu jaqgħu id-dipartimenti tal-Pulizija, tal-Forzi Armati ta’ Malta u anki tal-Protezzjoni Ċivili. It-total ta’ karozzi fil-Ministeru għall-Intern huwa ta’ 360 karozza filwaqt li hemm 33 karozza li qed jinkrew.

Għalkemm il-maġġoranza tal-karozzi inxtraw jew inkrew fis-snin riċenti, f’dipartimenti bħalma huma dawk tal-Armata u tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi li għadhom jintużaw karozzi antiki li nxtraw fis-snin disgħin. L-eqdem karozza tinsab għand il-Forzi Armati u nxtrat fis-sena 1987. L-eqdem karozza tal-Pulzija u li għadha tintuża hija tal-2001.

Fit-tieni post hemm il-Ministeru għat-Trasport li jinkludi fih Transport Malta, Infrastructure Malta u l-Awtorità tal-Artijiet. Fih hemm total ta’ 115-il vettura filwaqt li nkrew 89 karozza bejn l-2014 sa din is-sena.

Il-Ministeru bit-tielet l-akbar ammont ta’ karozzi kien dak tal-Familja li fih ukoll hemm għadd ta’ dipartimenti u entitajiet. It-total ta’ karozzi li jintużaw f’dan il-Ministeru huwa ta’ 102 vetturi filwaqt li milll-2016 sa issa inkrew 30 vettura oħra.