“1,000 jum minn meta nqatlet Daphne u għadha ma saritx ġustizzja”

Miguela Xuereb

Read in English.

Għadd ta’ organizzazzjonijiet tal-ġurnalisti u żewġ politiċi Ewropej qalu li minkejja li nhar il-Ħadd jimmarka l-1,000 jum minn meta nqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, għadha ma saritx ġustizzja magħha.

Pieter Omtzigt, li huwa r-rapporteur imqabbad mill-Unjoni Ewropea fuq l-assassinju tal-ġurnalista fuq is-saltna tad-dritt f’Malta, qal li l-assassinju brutali tal-ġurnalista għadu jixħet dell ikrah fuq il-ħajja Maltija. Żied jgħid li fl-aħħar snin, kienu l-ħidma qalbiena ta’ wlied Daphne, ix-xogħol metikoluż tal-ġurnalisti investigattivi u l-attiviżmu ħabrieki tas-soċjetà ċivili li żammew il-konverżazzjoni fuq il-ġurnalista ħajja.

Ikkummenta fuq kif il-proċeduri dwar l-assassinju tal-ġurnalista kixfu evidenza xokkanti ta’ korruzzjoni u inkompetenza. Dak li kienet tirrapporta fuqu l-ġurnalista kien jitqies gideb, iżda issa qed jiġi kkonfermat. Madankollu, Omtzigt hu tal-fehma li l-iżjed riżultati importanti għadhom ma nkisbux.

Ir-rapporteur irid li l-Pulizija Maltija tistabbilixxi tim investigattiv konġunt ma’ pulizija barranija, għax inkella, ma toħroġx il-verità fuq il-qtil tal-ġurnalista jew fuq l-iskandli li huma assoċjati miegħu. Il-ġurnalisti barranin li ħarġu stqarrija qablu ma’ dan.

L-għaqdiet tal-ġurnalisti qalu li li kieku kienu saru investigazzjonijiet kif suppost fuq ħafna kwistjonijiet li kitbet fuqhom Daphne Caruana Galizia, bħall-Panama Papers, hija kienet taffaċċja inqas riskju bħala ġurnalista.

Giegold itenni l-appell għal monument għal Daphne

Min-naħa tiegħu, l-MEP Sven Giegold stqarr illi s-sistema politika f’Malta għadha mħassra. Sostna li minkejja li Malta għandha tmexxija ġdida llum, xorta għadha ma bdietx titnaddaf kif jixraq. Huwa wera l-fehma li l-Kummissjoni Ewropea hija ratba wisq mal-Gvern Malti.

Issokta jgħid li l-investigazzjonijiet ta’ Caruana Galizia m’għandhomx jintesew. Huwa tenna l-appell ta’ bosta biex il-Gvern Malti jagħmel monument biex ifakkar lill-ġurnalista.

L-għaqdiet tal-ġurnalisti firmatarji huma ARTICLE 19, Association of European Journalists (AEJ), Committee to Protect Journalists (CPJ), European Centre for Press and Media Freedom (ECPMF), Free Press Unlimited, Index on Censorship, International Freedom of Expression Exchange (IFEX), International Press Institute (IPI), Osservatorio Balcani e Caucaso Transeuropa (OBCT), PEN International, Reporters Without Borders (RSF), Scottish PEN u Transparency International.