1,000 ħaddiem f’biċċerija fil-Ġermanja pożittivi għall-coronavirus

Employees are seen outside the main Toennies meat factory that had to be shut down because of the coronavirus disease (COVID-19) outbreak among its employees, in Rheda-Wiedenbrueck, Germany June 20, 2020. REUTERS/Leon Kuegeler

Read in English.

Aktar minn 1,000 ħaddiem f’biċċerija fil-Ġermanja ttestjaw pożittivi għall-coronavirus. L-Awtoritajiet tas-saħħa fil-Ġermanja ordnaw biex is-6,500 ħaddiem u l-familji tagħhom jibqgħu fi kwarantina.

L-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters qalet li dan il-lockdown għall-kumpanija li tipproċessa l-laħam ifisser waqa’ lura fl-istrateġija tal-Ġermanja biex terġa’ tibda tiftaħ l-ekonomija. Il-Kanċellier Ġermaniż Angela Merkel kienet tippreferi li żżomm lockdown aktar fit-tul iżda kellha tiftaħ minħabba pressjoni mill-mexxejja tar-reġjuni Ġermaniżi.

Minkejja li l-Ġermanja hija meqjusa bħala wieħed mill-aktar pajjiżi fl-Ewropa li kellhom immaniġġjar tajjeb tal-kriżi, il-pajjiż ra għadd ta’ każijiet ripetuti fil-biċċeriji fejn l-impjegati tagħhom spiss huma immigranti li jgħixu f’akkomodazzjoni pprovduta mill-kumpanija.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-sid tal-kumpanija tal-laħam, Clemens Toennies, qal li l-pandemija ppreżentat “kriżi eżistenzjali” għad-ditta tiegħu, li ssospendiet il-ħidma hekk kif l-awtoritajiet ifittxu li jikkontrollaw il-imxija.

Dan il-każ jista’ jwassal lill-istat Ġermaniż ta’ North Rhine Westphalia biex jimponi lockdown usa. Il-każ ġie rrappurtata l-ewwel nhar l-Erbgħa, meta 400 ħaddiem irriżultaw pożittivi. Sal-Ġimgħa, it-total kien irdoppja għal 803 u żdied għal aktar minn elf (1,029) sas-Sibt. Nhar il-Ħamis, iċ-Ċina pprojbixxiet l-importazzjonijiet tal-laħam minn din il-kumpanija.