1,000 ġurnalist inqatlu fi 15-il sena – Il-Ministru Bartolo

MFEA

Read in English.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qal li tul dawn l-aħħar 15-il sena, iżjed minn 1,000 ġurnalist inqatlu. Hu qal dan hu u jindirizza l-Laqgħa Ministerjali tal-Konferenza Dinjija dwar il-Libertà tal-Istampa 2020.

Bartolo spjega li ħafna minn dawn il-ġurnalisti sfaw vittmi tal-kunflitti, ħafna inqatlu talli investigaw il-korruzzjoni, reati ekonomiċi, reati politiċi, abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u skandli ekonomiċi. Qal ukoll li f’Malta rridu nassiguraw li dawk kollha involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jitressqu quddiem il-ġustizzja.

Waqt din id-diskussjoni ministerjali, il-Ministri tkellmu dwar is-sigurtà tal-ġurnalisti. L-avveniment kien ospitat virtwalment minn Stef Blok, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Olanda, bħala parti mill-Konferenza Dinjija dwar il-Libertà tal-Istampa 2020.

Din is-sena, il-Konferenza Dinjija dwar il-Libertà tal-Istampa kienet ċelebrazzjoni konġunta tal-Jum Dinji tal-Libertà tal-Istampa (3 ta’ Mejju) u  tal-Jum kontra l-Impunità għal Reati kontra l-Ġurnalisti (2 ta’ Novembru).

It-tema tal-konferenza ta’ din is-sena kienet ‘Ġurnaliżmu mingħajr Biża’ jew Favur’, u l-għan tagħha kien li tindirizza l-importanza tas-sigurtà tal-ġurnalisti u l-impjegati tal-midja u l-problema tal-impunità għal reati kontrihom. Skont il-UNESCO, mill-2006 sal-2019, inqatlu aktar minn 1,100 ġurnalist, u każ wieħed biss minn kull għaxra għadda mill-proċess ġudizzjarju sħiħ fil-parametri tal-liġi.

Id-dikjarazzjoni li ħarġet mill-konferenza  bit-titlu ‘L-Impenn tal-Aja għas-Sigurtà tal-Ġurnalisti’, li Malta issieħbet fiha ikkonfermat l-impenn tal-ministri li tiġi żgurata s-siġurtà tal-ġurnalisti u titwaqqaf l-impunità permezz ta’ ħidma kontinwa fuq livell nazzjonali, reġjonali u internazzjonali.