100 tunnellata ħġieġ għar-riċiklaġġ f’7 xhur

L-inizjattiva tal-GreenPak ta’ ġbir tal-ħġieġ bieb bieb f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, wasslet biex minn Jannar sa Lulju li għadda nġabru 98.7 tunnellata ta’ ħġieġ biex jiġu rriċiklati.

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-GreenPak qal li kull dar f’Malta tiġġenera 0.72 kilogramma ta’ skart magħmul mill-ħġieġ kull ġimgħa.

Spjega kif fl-2012, il-GreenPak nediet proġetti piloti ta’ ġbir ta’ ħġieġ minn wara l-bieb kull ħmistax fil-lokalitajiet ta’ Ħ’Attard, Fgura, il-Gżira u ż-Żurrieq.

Dan wassal biex f’Mejju li għadda, il-GreenPak introduċiet il-ġbir ta’ ħġieġ bieb bieb f’Tas-Sliema, u f’Ġunju ġiet estiża għal 12-il lokalità oħra – Ħal Kirkop, il-Gudja, Ħal Lija, Ħal Luqa, l-Imqabba, Raħal Ġdid, Pembroke, Ħal Safi, San Ġwann, Ta’ Sannat, ix-Xagħra u ż-Żejtun.

Minn dawn il-lokalitajiet il-ġodda, fejn il-ġbir isir kull nhar l-ewwel Ġimgħa tax-xahar wara 9am, bejn Mejju u Lulju 2013, diġà nġabru 21.5 tunnellata ta’ ħġieġ.

Il-kelliem għall-GreenPak qal li qed jinsistu biex kontinwament iqajmu kuxjenza fi ħdan il-komunitajiet li joffrulhom servizz biex jirriċiklaw iktar.

Fix-xhur li ġejjin, GreenPak se tintroduċi din l-inizjattiva f’numru ta’ lokalitajiet oħra li jiffurmaw parti mill-iskema tar-riċiklaġġ tagħha.

Barraminhekk, qed tippjana li eventwalment il-lokalitajiet kollha li qed joperaw taħt l-iskema tagħha jkunu parti minn din il-ġabra tal-ħġieġ ta’ kull xahar.

Il-ġranet u l-ħinijiet tal-ġbir jinsabu fuq il-websajt ta’ GreenPak.