100 sena mit-Twelid tal-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni

Din is-sena qegħdin infakkru l-100 sena mit-twelid tal-Papa Pollakk illum qaddis Ġwanni Pawlu t-Tieni u fil-gżira tagħna nistgħu niftaħru li għandna żewġ monumenti ‘life size’ mwaqqfa f’ġieħu – wieħed jinsab fuq it-taraġ ta’ quddiem il-Knisja Katidrali u l-ieħor fil-bidu tat-triq li tqabbdek lejn is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu.  Jiena nagħmel parti mill-Fondazzjoni Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni li hija responsabbli mill-istatwa tal-bronż maħduma mill-istatwarju Għawdxi l-Kav. Alfred Camilleri Cauchi li tinsab wieqfa fuq pedestall tal-granit fi tmiem Triq Sant Ursola Victoria.  F’din is-sena l-Fondazzjoni kellha ħsieb li torganizza għadd ta’ attivitajiet biex tfakkar il-100 sena mit-Twelid ta’ dan il-Prelat tal-Knisja Kattolika kif ukoll it-30 sena mindu kien żar il-gżejjer Maltin,  imma mal-wasla tal-coronavirus kellha kontra qalbha tħassar kollox bit-tama li kif jibnazzaw ftit iż-żmenijiet tkun tista’ torganizza xi attivitajtiet kulturali u edukattivi.

Bla dubju lkoll smajna ħafna dwar dan il-Papa li tista’ tgħid dar id-dinja jxandar il-Bxara t-tajba u jħeġġeġ għall-għaqda u l-paċi fost il-ġnus.  Tafu daqsi li ssogra ħajtu wkoll meta waqt li kien qed idur fuq jeep fil-Pjazza tal-Vatikan jifraħ bin-nies, ġuvni Tork, Meħmet Ali Agca spara fuqu mill-qrib u ma qatlux għax Alla tal-ħniena u l-Madonna li tant iħobb, kienet hemm biex teħilsu minn mewt żgura.  Il-balla li neħħewlu minn ġismu llum tinsab f’kuruna madwar ras il-Madonna Ta’ Fatima.  Bla dubju l-Papa ħafer mill-ewwel lil dan l-assassin tiegħu u mar iżuru fiċ-ċella tal-ħabs ta’ Rebibbia ġewwa Ruma u offrielu kuruna. Karol Jozef Wojtyla twieled nhar it-18 ta’ Mejju 1920 f’Vadovice fin-Nofsinhar tal-Polonja u miet fit-2 ta’April 2005 f’waħda mill-kmamar fil-Vatikan wara marda twila u kiefra.  Niftakar kienet lejla li matulha folol kbar ta’ nies minn kullimkien imlew il-Pjazza tal-Vatikan jishru u jitolbu għal dan il-Papa moribond li hekk kif ruħu ħarġet minn ġismu, il-folla għajtet għalenija Santo Subito.  Ma naħsibx li qatt saru funerali kbar bħal tiegħu!  Il-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni kien il-264 Papa fl-istorja tal-Knisja Kattolika u dam fuq il-Katedra ta’ Pietru mis-16 ta’ Ottubru 1978 sa jum il-mewt tiegħu.  Għalkemm fl-aħħar il-mard għakksu ħafna, xorta baqa’ jmexxi l-Knisja sakemm għalaq għajnejh fuq din l-art.  Kien it-tieni l-aktar Papa li kellu Pontifikat twil, wara Piju 1X li dam sitt snin iktar minnu.  Huwa l-uniku Papa Slav u Pollakk sa issa.  Kien l-ewwel Papa mhux Taljan wara iktar minn erba’ sekli ta’ Papiet Taljani sa minn Papa Adrijanu mill-1522.  Kien bla dubju l-iktar mexxej dinji li żar pajjiżi.  Iddikjara 483 qaddis u 1,340 Beatu iktar mill-Papiet l-oħra kollha f’daqqa.  Kif jgħidu fl-aħħar tasal ta’ kulħadd, u fl-1 ta’ Mejju 2011 hu nnifsu kien iddikjarat Beatu fi Pjazza San Pietru mis-suċċessur tiegħu Papa Benedittu XV1, u fis-27 ta’ April 2014, dakinhar ukoll festa tal-Ħniena Divina, li waqqaf huwa stess matul ħajtu, kien iddikjarat qaddis fi Pjazza San Pietru minn Papa Franġisku. 

Vadovice,  fejn twieled il-Papa, tiġi fin-Nofsinhar tal-Polonja u viċin il-fruntiera maċ-Ċekoslovakkja, 50 kilometru minn Krakovja u 30 kilometru minn Auschwitz.  Dakinhar li twieled  kien hemm l-eklissi tax-xemx bħal dakinhar tal-funeral tiegħu,  85 sena wara.  Dakinhar li twieled ukoll, Marshall Jozef Pilsudiski daħal trijonfalment Varsavja wara li l-forzi Pollakki għamlu l-akbar rebħa fuq l-Armata l-Ħamra –   il-konkwista tal-belt Ukrajna ta’ Kiev.  Dakinhar eluf ta’ Pollakki mlew it-toroq biex jilqgħu lir-rebbieħ ta’ Kiev.  Riedu jgħaddu kważi 60 sena oħra biex il-Polonja terġa’ tesperjenza ferħ u tama bħal dik, meta tarbija li kienet qed titwieled dakinhar, kellha tirritorna trijonfalment f’Varsavja bħala Mexxej tal-Knisja fl-1979. Omm il-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni kien jisimha Emilia mil-Litwanja u kellha 36 sena meta kellha lilu.  Kienet l-isbaħ mara u l-iktar waħda eleganti ta’ Valdovice, iżda saħħitha kienet dgħajfa.  Sitt snin qabel kienet tilfet it-tifla tagħha Olga.  Lil dan l-iben tagħha semmietu Karol għal missieru, iżda kienet issejjaħlu Lolek.  Minn dejjem xtaqitu li jsir qassis għax kien bniedem intelliġenti, sportiv, attur, fuq tiegħu; mur għidilha kemm kellu jbati u jara fuq wiċċu sakemm wasal biex lil ommu jaqtgħalha xewqitha, din il-mara marradija li mietet  ta’ 45 sena fit-13 ta’ April 1929.  Missieru kien suldat fl-eżerċtu Awstro-Ungeriku magħruf bħala Kaptan.  Karol kiber f’attur bravu u kittieb prolifiku.  Iżda kif nafu, il-pjanijiet ta’ Alla kienu ferm differenti għalih.  Kellu jaħdem f’barriera fil-ħarifa tal-1940 f’temperatura li kienet tinżel sa 22 grad taħt iż-żero,  minħabba ċ-ċirkustanzi koroh li minnhom kienet għaddejja l-Polonja.  Pajjiżu kien għaddej minn gwerra qalila u ħafna Lhud u Polakki  kienu qed jispiċċaw fil-kampijiet ta’-Konċentrament Nażisti.  Nhar it-18 ta’ Frar 1941 tilef lil missieru li kien miet b’attakk tal-qalb.  Kompla jistudja bil-moħbi  u filwaqt li r-Russi kienu fuq l-għatba ta’ Krakovja u n-Nażi fil-ħarba, nhar l-1 ta’ Novembru 1946 l-Isqof Sapieħa ordnah Saċerdot fil-Kappella  privata tiegħu u l-għada qaddes l-Ewwel Quddiesa fil-kripta tal-Katidral ta’ Krakovja.  Fost il-mistednin kien hemm sħabu l-ħaddiema tal-barriera.

Wojtyla qatt  ma ħares lura u beda miexi ’l quddiem u fi żmien qasir spiċċa Isqof ta’ Krakovja.  Għamel żmien jistudja Ruma u biex naqta’ fil-qasir, il-Papa Pawlu V1 ħatru Kardinal fl-1967.  Kienu saru ħbieb kbar u Wojtyla kien għenu  f’numru ta’ Enċikliki u dokumenti u kien sar magħruf sewwa fil-kurituri tal-Vatikan.  Maż-żmien kien sar popolari u rrispettat fost sħabu l-Kardinali u fis-16 ta’ Ottubru 1978,  fis-6.15pm deher ħiereġ duħħan abjad miċ-ċumnija tal-Kappella Sistina.  Nofs siegħa wara, il-Kardinal Feliċi ħareġ fil-gallerija  ċentrali ta’ Pjazza San Pietru u qal:  Habemus Papam!  L-isem kien stramb u ħawwad lill-folla preżenti.  Karolum Wojtyla kien għażel l-isem ta’ Ġwanni Pawlu t-Tieni wara l-mewt tal-predeċessur tiegħu li kien dam biss Papa  għal 33 jum.  Kien l-ewwel Papa mhux Taljan wara 456 sena.  Wojtyla kien ġej minn pajjiż nisrani ħafna, il-Polonja, immexxija minn Gvern ateu komunista.  L-ewwel Papa minn pajjiż tal-Lvant.  Kien għad għandu biss 58 sena.

Bla dubju aħna l-Maltin u l-Għawdxin mhux la kemm ninsewh lil dan il-Papa kbir li ġie jżurna b’kollox tliet darbiet.  Fl-1990 dam fostna armajn tlett ijiem u tana tliet Beati:  Nazju Falzon, Adeodata Pisani u l-Fundatur tal-Museum Dun Ġorġ Preca li wara sar ukoll Qaddis.  Bl-intervent tal-Isqof Mons. Nikol Cauchi kont preżenti għaċ-ċerimonja tal-Beatifikazzjoni taħt xemx tisreġ flimkien mal-mara tiegħi.  Ngħid għalija nħossni fortunat meta waqt il-quddiesa li qaddes fuq iz-zuntier Ta’ Pinu, jien kont wieħed minn dawk li qrajt waħda mit-talbiet tal-fidili u allura tistgħu taħsbu kemm kont qrib tiegħu f’din l-okkażjoni sabiħa.  Niftakar li l-Isqof Cauchi kien għażilni bħal membru fil-Kumitat organizzattiv tal-miġja tal-Qdusija Tiegħu fostna.  Kelli wkoll l-okkażjoni nkun qrib tiegħu meta wieħed minn uliedi kien fost l-abbatini li fis-sajf jitilgħu l-Vatikan biex jagħtu servizz u marti u jien konna preżenti waqt l-udjenza li ngħatat lill-ġenituri ta’ dawn it-tfal.

B’xorti tajba nistgħu ngħidu li r-rabta tagħna mal-Papat għadha hemm u forsi ssaħħet ukoll bil-ħatra tal-Isqof tagħna Monsinjur Mario Grech bħala s-Segretarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet li sa tidħol fis-seħħ fl-aħħar ta’ Awwissu li ġej, ħatra prestiġġjuża li ġġorr magħha piżijiet mhux żgħar.  Inżid ngħid li anke l-Arċisqof ta’ Malta jgawdi stima mhux żgħira f’għajnejn il-Papa attwali kif ukoll il-ħatra ta’ Mons Alfred Xuereb, li wara li ħadem biswit il-Papiet, issa sab ruħu Nunzju Appostoliku. Nitolbu biex il-Mulej ixettel iktar vokazzjonijiet biex jaħdmu fl-għalqa tiegħu!