100 papoċċ u 350 par kalzetti għall-immigranti f’Ħal Far

Il-ħanut tal-ħwejjeġ tal-isport lokali Eurosport ta donazzjoni ta’ 100 par żarbun għall-immigranti li hemm jgħixu fiċ-Ċentru l-Miftuħ f’Ħal Far. Intant importatur ipprovda wkoll 350 par kalzetti.

Dan tħabbar minn Joanne Muscat fuq Facebook, li taħdem sabiex tipprovdi lill-immigranti f’Malta bi bżonnijiet bażiċi għall-ħajja ta’ kuljum bħal ħwejjeġ u kutri. Id-donazzjoni saret madwar 24 siegħa wara li l-istess Muscat appellat għad-donazzjonijiet fuq il-profil tagħha ta’ Facebook.

Fil-grupp Help the Children at Ħal Far, Muscat spjegat ukoll li l-kalzetti diġà qed jiġu mqassma lill-immigranti f’Ħal Far.

Filmat: Il-wasla tal-immigranti f’Malta

Wara 19-il jum bejn sema u ilma, id-49 immigrant waslu Malta l-Erbgħa waranofsinhar abbord il-bastimenti Sea-Watch 3 u Sea-Eye. Inqas minn ġimagħtejn ilu, il-Forzi Armati ta’ Malta salvaw u daħħlu fil-pajjiż aktar minn 200 immigrant ieħor f’żewġ ħidmiet separati.