​100 każ ta’ vjolenza mit-tfal fuq il-ġenituri

F’dawn l-aħħar tliet snin, ġew irreġistrati 100 każ fejn tifel jew tifla aggredew wieħed mill-ġenituri tagħhom.  Dawn ir-rapporti waslu għand l-Aġenzija Appoġġ u dwarhom ittieħdu azzjoni.
Dan qalu l-Ministru għall-Familja Michael Falzon, waqt seminar dwar il-vjolenza mill-ulied fuq il-ġenituri, fl-Università l-antika fil-Belt Valletta.
Il-Ministru spjega kif it-trawma li jkunu għaddew minnha t-tfal, meta jaraw il-ġenituri tagħhom vjolenti ma’ xulxin, jispiċċaw jirrepetu l-azzjonijiet billi jkunu vjolenti huma wkoll.
Falzon saħaq li l-Gvern jinsab kommess li jimplimenta bis-sħiħ il-konvenzjoni t’Istanbul li ġiet iffirmata u rratifikata fl-2011, bl-għan li tkun ikkundannata kull tip ta’ vjolenza domestika jew sesswali. 
"Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru tkisser id-dinjità tal-bniedem" – Il-President
Sadanittant, waqt kampanja organizzata mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà b'kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA), il-President ta' Malta Marie-Louise Coleiro Preca saħqet li jekk hawn xi ħaġa li tkisser id-dinjità tal-bniedem, tneħħilu kull forma ta' rispett u tneżżgħu kompletament mid-drittijiet fundament, hi propju l-vjolenza, speċjalment dik abbażi tal-ġeneru. 
Il-President irreferiet għall-aħħar statistika dwar il-kriminalità f’Malta, maħruġa minn Crime Malta għall-2016, li turi li 7% tar-reati f'Malta huma abbażi tal-ġeneru. 
Futbolers Maltin ewlenin qed jipparteċipaw f’din il-kampanja, fosthom Michael Mifsud, Alfred Effiong, Andrei Agius u Andrew Hogg.
#StopGenderViolence #KickItOut