100 appartament f’żona “ta’ valur arkeoloġiku għoli” fil-Mosta

L-Awtorità tal-Ippjanar qed tiġi mħeġġa biex ma taċċettax proposta għall-iżvilupp ta’ binja b’100 appartament fi Triq id-Difiża Ċivili fil-Mosta, bl-oppożizzjoni għal dan il-proġett hija xprunata minħabba li s-Sovrintendenza għall-Patrimonju Kulturali fl-2014 kienet qieset din iż-żona bħala żona “ta’ valur arkeoloġiku għoli li timmerita protezzjoni”.

Minbarra l-100 appartament residenzjali, l-iżviluppatur qed jipproponi li jibni, parkeġġ taħt l-art u għadd ta’ ħwienet.

Jingħad li fir-rapport tagħha, is-Sovrintendenza tgħid li fis-sit hemm affarijiet ta’ valur arkeoloġiku li jmur lura għall-perjodu Ruman Bikri u oġġetti oħrajn tal-Medjuevu. Fost dawn, ir-rapport isemmi 25 fatturi differenti fosthom l-fdalijiet ta’ żewġ strutturi antiki, il-fdalijiet ta’ kalkara, ħames ċisterni antiki tal-ilma, bosta gandotti tad-dwieli u minn tal-inqas seba’ postijiet li kienu jintużaw bħala barrieri antiki.

Min-naħa tagħha, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi qalet li l-propjetà li fuqha huwa maħsub dan il-proġett m’għandha l-ebda valur ambjentali u kitbet li ma kellix oġġezzjoni li jsir dan il-proġett.

Il-proġett ta’ żvilupp huwa ta’ Michael Attard bid-disinn tal-iżvilupp tħejja mill-Perit Ray Demicoli. L-oġġezzjoni qed titmexxa wkoll mill-Moviment Graffitti u sa issa diġà ntbatu ‘l fuq minn 50 sottomissjoni.