100,000 mexxej reliġjuż Musulman kontra l-estremiżmu

F’laqgħa li kellu lbieraħ mal-Papa Franġisku fl-aħħar jum taż-żjara tiegħu fil-Bangladesh, Allam Majharul Islam, il-gwardjan ta’ Moskea kbira fejn jiltaqa’ grupp interreliġjuż li jippromwovi l-għaqda bejn ir-reliġjonijiet, għadda lill-Qdusija Tiegħu, fatwa (dikjarazzjoni) kontra l-estremiżmu Musulman, iffirmata minn 100,000 mexxej Musulman.
Il-Bangladesh hu t-tielet l-akbar pajjiż Musulman fid-dinja fejn il-Kattoliċi huma anqas minn 1% tal-popolazzjoni. 
Madankollu l-pajjiż laqa’ bil-ferħa ż-żjara ta’ Franġisku li jqisu mhux biss bħala Kap tal-Kristjani imma mexxej tal-Insara kollha u mexxej dinji.
Allam Majharul qal li kull reliġjon għandu messaġġ ta’ paċi u l-Papa Franġisku jaħdem ħafna għall-paċi.
Hu kien wieħed minn 500 reliġjuż Iżlamiku li ltaqa ma' Franġisku waqt ir-rally interreliġjuż għall-paċi li sar nhar il-Ġimgħa.
Il-Mexxej Musulman qal li l-Papa ħa miegħu messaġġ ta’ mħabba b’mod partikolari għar-Rohingya, u żgur jipprova jgħin biex tissolva l-problema tagħhom. Fl-istess waqt, bħala mexxej Iżlamiku jemmen li dawn in-nies għandhom jirritornaw lejn il-Myanmar għax kulħadd għandu dritt jgħix fil-pajjiż oriġinali tiegħu.
Il-Forum Reliġjuż Dinji  jiġbor fih mexxejja Musulmani, Insara, Ħindu u Buddisti. Dan il-Forum mhux biss ifittex li jibni relazzjonijiet ta’ aħwa bejn is-Sunni u Shi’iti imma anke fost reliġjonijiet oħra.
Il-Kardinal Patrick D’Rozario, l-Arċisqof ta’ Dhaka, hu membru ta’ dan il-forum u jipparteċipa ħafna fl-inizjattivi li jorganizza.
Il-Kattoliċi fil-Bangladesh, skont il-Kostituzzjoni tal-pajjiż, għandhom l-istess drittijiet daqs ċittadini oħra fil-pajjiż imma fir-realtà jkollhom jiffaċċjaw ħafna diskriminazzjoni u ma jgawdux mill-istess edukazzjoni u opportunitajiet ta’ xogħol daqs il-Misilmin.
Id-djoċesi ta’ Sylhet qed tagħmel minn kollox biex tagħti appoġġ spiritwali u morali lill-minoranza Kattolika u nidiet diversi inizjattivi biex tinkoraġġihom jikbru fil-fidi u jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom.
Dan minkejja l-periklu mill-Musulmani li jippretendu li jistgħu jagħmlu li jridu .  Infatti l-Arċisqof D’Cruze, li jmexxi din id-djoċesi rċieva theddid li jinqatel minn gruppi Iżlamiċi għax jiddefendi bis-saħħa d-drittijiet umani u l-libertà reliġjuża tal-Kattoliċi.
Il-Papa Franġisku hu infurmat bis-sitwazzjoni tal-Kattoliċi fil-Bangladesh.  Dawn in-nies ma kienu qed jistennew xejn speċjali miż-żjara tal-Papa.  Għalihom kien biżżejjed li jinżlu f’Dhaka biex jarawh u jirċievu l-barka tiegħu biex jagħmlu kuraġġ u jkomplu bil-ġlieda tagħhom għall-għajxien.