10 xhur ħabs wara li ħebb u hedded lill-Pulizija

Raġel intbagħat 10 xhur ħabs u ngħata multa ta’ €5,000 wara li agredixxa tliet uffiċjali tal-Pulizija waqt li kien xurban, kiser il-paċi pubblika u kien riċediv.
Il-Qorti semgħet kif Michael Farrugia ta’ 66 sena ma kkoperax mal-Pulizija meta dawn talbuh biex imur magħhom biex jivverifikaw l-identità tiegħu tant li heddidhom li kien se jaqtgħalhom rashom barra u li saħansitra kien se joqtlilhom lil marthom u wliedhom.
Fil-Qorti Farrugia sostna li Pulizija tah daqqa ta’ ponn filwaqt li tmienja oħra sabbtuh fl-art.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li l-Pulizija aġixxew b’mod adegwat biex iżommu l-ordni u li l-akkużat minflok obdiehom kompla jirreżisti u jisfida apposta. Hi kkunsidrat ukoll l-fatt li sentejn qabel Farrugia kien akkużat b’reati simili.
Ritratt: Arkivji