10 ventilators ġodda fl-ITU tal-Isptar ta’ Għawdex – Steward

Read in English.

Steward Healthcare Malta ħabbret li s-sodod tal-ITU fi ħdan l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ġew attrezzati b’10 ventilators ġodda sabiex l-isptar ikun aktar attrezzat biex jilqa’ għall-eżiġenzi tal-pandemija tal-coronavirus.

Fi stqarrija, Steward Healthcare spjegat li minkejja li hawn nuqqas ta’ ventilators fis-suq internazzjonali, grazzi għall-assistenza ta’ Steward fl-Istati Uniti, l-isptar seta’ jiġi atrezzat b’dawn l-10 ventilators. Intant, ġie spjegat li l-infermiera kollha li jaħdmu fi ħdan l-ITU huma mħarrġa biex jużaw il-ventilators, filwaqt li dawk li jaħdmu f’wards oħrajn ingħataw taħriġ bażiku.

Intqal ukoll li waslu żewġ magni tad-dijalisi ġodda għall-pazjenti tal-ITU fl-istess sptar u l-istaff tħarreġ biex juża dawn il-magni.

B’hekk il-kumpanija qalet li l-ewwel fażi li l-ITU jitkabbar minn sitt sodod għal 16 li huma attrezzati b’ventilator. Intant, qalet li għamlet ordni ta’ 10 ventilators oħrajn li mistennija jaslu sas-sajf. Filwaqt li mistennija jaslu ħamsa oħrajn fil-ġimgħat li ġejjin. B’hekk se jkun hemm 31 sodda attrezzata b’ventilators sas-sajf, 25 minnhom dedikati għall-pazjenti bil-coronavirus.

Fl-aħħar sebat ijiem ma kienx hemm pazjenti li nstabu pożittivi għall-virus fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Intant, il-pazjenti kollha li qed jidħlu fl-isptar qed jiġu ttestjati għall-virus u qed jinżammu fl-IDU sakemm toħroġ konferma tar-riżultati. Qalet ukoll li ħadd mill-istaff ma nstab pożittiv għall-virus u l-ħaddiema kollha li kienu kwarantina issa reġgħu lura għal xogħolhom.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn