Serq Knejjes: 10 snin wara jerġa’ jispiċċa l-Qorti

Raġel li 10 snin ilu kien ingħata 5 snin ħabs minħabba serq minn 16-il knisja, illum il-Qorti ħelsitu fuq pleġġ.
Joseph Attard ta’ 42 sena residenti Ħal Għaxaq f’Ottubru li għadda kien arrestat u akkużat bis-serq ta’ żewġ kuruni tar-rużarju tal-fidda li kienu mal-istatwa ta’ Santa Katerina taż-Żejtun.
Ir-raġel ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih, u kien qed jinżamm arrestat, skont ma ddeċieda l-Maġistrat Joe Mifsud, li kien bagħtu wkoll għal trattament temporanju minħabba l-vizzju tad-droga.
F’Diċembru li għadds Newsbook.com.mt kien irrapporta dwar mewġa ta’ serqiet minn knejjes differenti madwar Malta.
Fil-Qorti llum xehed ukoll rappreżentant tal-Każin tal-PN fiż-Żejtun, wara li r-raġel allegatament seraq minnu wkoll fl-2003.
Hu rrakkonta kif jum qabel is-serqa, daħlu żewġ persuni fil-każin u kkumplimentawh għall-atmosfera li kellu, u ’l għada induna li daħlulu fil-każin u serqulu Lm500.
Quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace xehed ukoll il-Kappillan taż-Żejtun, li rrakkonta kif apparti l-kuruni tal-fidda, li bejniethom kienu jiswew madwar €500, intmisset ukoll il-kaxxa tad-donazzjonijiet, li kien fiha madwar €60.
Wara li semgħet dix-xhieda, il-Maġistrat iddeċidiet li teħilsu bi pleġġ għal garanzija personal ta’ €10,000.
Ir-raġel ma jistax joħroġ minn daru bejn is-7pm u s-7am, u jrid jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa.