10 snin ta’ Joseph Muscat: Rivoluzzjoni jew insostenibbiltà?

L-ekseditur tal-gazzetta L-Orizzont Josef Caruana li llum jaħdem fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru faħħar lill-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat għar-rivoluzzjoni fil-mentalità tal-poplu li ġab, filwaqt li l-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Michael Briguglio qal li l-politika tiegħu mhix sostenibbli.
Josef Caruana u Michael Briguglio kienu qed jitkellmu waqt il-programm Follow Up fuq RTK103FM dwar l-għaxar snin ta’ Joseph Muscat bħala mexxej tal-Partit Laburista.
Fi kliem Briguglio wieħed irid jirrikonoxxi li hemm il-maġġoranza tal-elettorat li jappoġġja lil Muscat. Qal li Muscat beda jiftaħ il-PL għal attività ekonomika aktar imħallta.
“Meta inti tiftaħ iżżejjed, il-PL ma jsirx biss għal grupp dejjaq ta’ nies, però l-politika u l-prinċipji ma jibqgħux daqshekk sodi.” Qal li “Muscat qed ikun laxk fuq governanza tajba.”
Dwar il-bejgħ tal-passaporti u l-qasam tal-kostruzzjoni qal li dawn mhumiex sostenibbli għalkemm idaħħlu l-flus.
Skont Caruana, Muscat ġab rivoluzzjoni kbira fil-mentalità tal-poplu. Qal li sa ħames snin ilu l-Maltin lanqas kienu jitkellmu dwar żwiġijiet ta’ persuni omossewssawli. Issa Malta tinsab fil-quċċata tal-pajjiżi Ewropej fejn jidħlu d-drittijiet ċivili tal-persuni LGBTQI.
Skont Briguglio, waħda mill-aħjar inizzjattivi ta’ Muscat kienet dik ta’ childcare b’xejn għal kulħadd. Spjega li Muscat estenda wkoll il-miżuri favur il-familja – bħal Skolasajf.
Qal li l-kirjiet qed jogħlew li forsi min ikollu paga għolja jew li jaffordja jixtri passaport ikun jista’ jlaħħaq magħhom.
Caruana qal li l-prezzijiet tal-kirjiet huma problema li huma r-riżultat tas-suċċess ta’ Malta. Qal li l-Gvern qed ikun kawt u jisma’ x’qed jgħid il-poplu. Qal li anke l-problemi ambjentali li qed tiffaċċja Malta huma riżultat tas-suċċess. Fi kliem Briguglio, fejn jidħol l-ambejnt, Muscat ma tantx mexa tajjeb. Qal li hemm bżonn aktar infurzar.
Dwar l-iskandli ta’ Egrant u l-Panama Papers Caruana qal li hemm żballji li ġew rikonoxxuti u li hemm inkjesti maġisterjali għaddejjin. Briguglio jemmen li kien hemm nuqqas ta’ azzjoni minn Muscat.
Tista' tara l-programm sħiħ minn hawn: