10 snin ta’ Il Volo

It-trio popolari Il Volo qed jiċċelebraw l-ewwel 10 snin fix-xena mużikali. Proprju għalhekk għada l-Ħamis 7 ta’ Novembru, Il Volo se jkun qiegħed iniedi l-album il-ġdid tiegħu 10 Years, li huwa kollezzjoni ta’ wħud mill-aqwa suċċessi tagħhom f’dawn l-aħħar snin.

Dan l-album se jinħareġ f’verżjonijiet differenti.

Dak diġitali se jikkonsisti f’27 silta filwaqt li l-album innifsu li wieħed jista’ jixtri mill-ħwienet se jinkludi 19-il silta mużikali kif ukoll DVD tal-kunċert li l-grupp tella’ f’Matera fl-Italja f’Ġunju li għadda.

Fost is-siltiet li ċertament se jkunu nklużi fiż-żewġ verżjonijiet nsibu O Sole Mio, My Way u Grande Amore.

Biex jiċċelebraw ukoll dawn l-10 snin ta’ successi, Canale 5 se jkun qed ixandar programm speċjali, x’aktarx nhar it-Tlieta 19 ta’ Novembru fil-ħin tad-9.30pm.

Dan il-programm se jinkludi wħud mill-aqwa mumenti waqt il-kunċert li kellhom f’Matera, kif ukoll se jkun hemm bosta interventi  minn Ignazio Boschetto, Gianluca Ginoble u Piero Barone, it-tlett membri ta’ dan il-grupp ferm popolari.

Il Volo kien klassifika fit-tielet post tal-Eurovision Song Contest bil-kanzunetta Grande Amore.

B’kollox kienu ġabu 292 punt fis-serata finali tat-23 ta’ Mejju 2015.