“10 snin mingħajrha” – Omm Madeleine McCann

Omm Madeleine McCann iddeskriviet l-10 anniversarju mill-għejbien ta’ bintha bħala żmien misruq u orribbli.
F’messaġġ fuq il-paġna uffiċjali tal-Facebook Find Madeleine Campaign,Kate McCann kitbet “għaxar snin-m’hemmx mod faċli kif tgħidha, tiddiskriviha u taċċettaha. U issa hawn qegħdin, Madeleine, Madeleine tagħna – għaxar snin”.
Madeleine, ta’ tliet snin, kienet għosfrot  mill-appartament tal-familja waqt li kienu vaganza fil-Portugall.
Minkejja li saħqet li hi u żewġha Gerry McCann, għandhom tama li jsibu lil binthom, l-omm qalet li l-ġranet għalihom huma kolha simili, sempliċiment ġurnata oħra.
Żiedet tgħid li kemm hi kif ukoll żewġha jħossuhom fortunati li rċivew tant imħabba, solidarjetà u sapport minn għadd ta’ nies.
Madankollu, qalet li hija stressanti u ta’ weġġgħa meta tara ‘stejjer’ qodma misinterpretati u b’nofs veritajiet fuq il-ġurnali, il-midja soċjali u programmi fuq it-televiżjoni.
Intant il-pulizija għaddejja bl-investigazzjoni tagħha biex issib lil Madeleine. Min-naħa tagħhom Scotland Yard ilhom jassistu fl-investigazzjoni mill-2011.
Ir-Renju Unit nefaq kważi €13-il miljun għat-tfittxija ta’ Madeleine.