10 snin mingħajr progress f’każ ta’ allegat theddid

Il-Maġistrat Donatello Frendo Dimech sabet li ma kien sar l-ebda progress għal għaxar snin sħaħ f’każ jinvolvi allegazzjonijiet ta’ theddid.

Tnax-il sena wara li beda l-każ, il-Qorti llum ħelset raġel mill-akkużi li kien hemm kontrih, fosthom li rrikatta raġel ieħor. Ir-raġel kien wieħed minn żewġt irġiel akkużati li heddew persuna oħra għall-flus.

L-allegat vittma kien qal lill-Pulizija li kollox beda meta kien għadu l-ħabs fejn tkellem ma’ priġunier ieħor dwar problemi finanzjarji li kellu. Wara ftit il-problemi telqu l’hemm imma bdew oħrajn għax meta ħareġ mill-ħabs, l-akkużat u raġel barrani bdew jiltaqgħu miegħu u jċemplulu minħabba xi flus. Eventwalment ittieħdu passi fil-Qorti fl-2006 fil-konfront tal-akkużat waħdu għax il-barrani ħarab mill-pajjiż.

Wara, il-każ ġie assenjat lill-Magistrat Donatella Frendo Dimech li sabet li ma kien sar l-ebda progress fil-każ għal għaxar snin sħaħ.

Il-Qorti qalet li x-xhieda tal-allegat vittma ma kienetx waħda konvinċenti. Barra minn hekk, il-prosekuzzjoni qatt ma qalet għalfejn l-vittma kellu jħallas madwar elfejn Lira Maltin lil dawk akkużati li kienu qed jhedduh. Minħabba dan in-nuqqas ta’ provi, il-Qorti ħelset lill-akkużat minn kull akkuża.