10 snin mill-mewt ta’ Raimondo Vianello

Sandra Mondaini u Raimondo Vianello fl-1995. Ritratt: Uffiċju stampa Mediaset

Illum l-istazzjon Taljan Mediaset Extra (Melita Cable Channel 0177) qed jiddedika ġurnata billi jxandar mill-ġdid programmi ta’ Raimondo Vianello u Sandra Mondaini.

Dalgħodu twasslu xi edizzjonijiet minn Sandra & Raimondo Supershow filwaqt li fil-ħin tat-3pm I Tre Tenori, spettaklu bis-sehem ta’ Raimondo Vianello, Corrado u Mike Bongiorno. Aktar tard mill-ġdid Sandra & Raimondo Supershow filwaqt li fis-7.15pm I Misteri di Cascina Vianello. Fid-9.15pm żewġ episodji minn Casa Vianello, segwiti mill-programmi Sandra & Raimondo e i Sette Vizi Capitali della Risata u Attenti a Noi Due.

Dan kollu għax proprju llum jaħbat l-10 anniversarju mill-mewt ta’ Raimondo Vianello, preżentatur mill-aktar maħbuba fl-Italja u anki f’Malta.

Hu kien twieled f’Ruma nhar is-7 ta’ Mejju tal-1922 u miet f’Milan bħal-lum, nhar il-15 ta’ April tal-2010.

Beda l-karriera tiegħu fis-Snin 40 bħala attur fiċ-ċinema u mbagħad ingħaqad mar-RAI u aktar tard mal-Mediaset.

Hu u Sandra Mondaini iżżewwġu nhar it-28 ta’ Mejju 1962 u għal kważi 50 snea ma waqux jaħdmu flimkien.

Is-sensiela Casa Vianello li tagħha huma kienu protagonisti damet għaddejja kważi 20 sena.