10 snin mill-Ewro, int liema muniti jew karti tiftakar?

Is-sena nqalbet għall-2018, u dan ifisser l-ewwel 10 snin anniversarju minn avveniment importanti fl-istorja tal-pajjiż: id-dħul tal-Ewro bħala l-munita tal-pajjiż minflok il-Lira Maltija.
Kien eżatt fl-1 ta’ Jannar tal-2008, meta Malta addottat uffiċjalment il-munita tal-Unjoni Ewropea, 4 snin wara li daħlet f’waħda mill-aktar għaqdiet ta’ pajjiżi importanti fid-dinja, ekonomikament u politikament.
X’ġie qabel l-Ewro?
Għal min għandu ż-żmien, din informazzjoni li diġà jaf, iżda ż-żmien jgħaddi u llum hawn tfal li kulma jiftakru huwa l-Ewro, u jafu bil-muniti u l-karti li kellu l-pajjiż qabel mill-ktieb tal-Istudji Soċjali, jew mingħand xi ħadd li kien faddalhom.
Hawnhekk wieħed jista’ jsib storja qasira tal-muniti u l-karti użati f’Malta sa mis-sitt seklu qabel Kristu.
L-istorja tal-muniti u l-karti użati f’Malta dejjem tipponta lejn min kien jaħkem lill-pajjiż.
Tul ir-renju tagħhom f’Malta, il-Kavallieri ta’ Malta ċċirkulaw ukoll il-muniti tagħhom, imbagħad anki fis-sentejn li l-Franċiżi għamlu Malta wkoll ġew iddokumentati xi muniti tagħhom.
Fl-era moderna mbagħad l-Ingliżi daħħlu l-ħabba jew ix-shilling.
Fl-1972 is-sistema nbidlet għal waħda deċimali, u l-Lira Maltija nqasmet f’100 ċenteżmu, u ċ-ċenteżmu f’10 mils.
Minbarra l-karti tal-20, l-10 u il-5 u ż-2 Liri, kien hemm ukoll 7 muniti metalliċi, jiġifieri tal-Lira, in-nofs lira, il-25 ċenteżmu jew 5 xelini kif kienu baqgħu jsejħulha xi wħud, l-10 ċenteżmi, iż-2 ċenteżmi u ċ-ċenteżmu.
Il-Lira Maltija baqgħet valida sal-1 ta’ Jannar tal-2008, meta daħlet l-Ewro.
Fuq nota aktar ħafifa: l-introduzzjoni tal-Ewro jfakkar lil ħafna fl-ATM imqarba li ma riedet tagħti b’xejn il-flus lill-Eks-Prim Ministru, Lawrence Gonzi, li xtaq jiġbed hu l-ewwel flus tal-Ewro fl-1 ta’ Jannar, 2008.