10 snin ilu miet Michael Jackson

Illum jaħbat l-10 anniversarju mill-mewt ta’ Michael Jackson. Lil hinn mill-kontrversja li nqalgħu fl-aħħar xhur dwar l-allegazzjonijiet li saru, bla dubju li Jackson jibqa’ ikona fl-istorja tal-mużika, fejn għal aktar minn 40 sena kien influwenti fil-kultura tal-mużika pop.

Jackson miet kaġun ta’ attakk f’qalbu. Hu kien qiegħed taħt kura medika u jidher li ħa ammont żejjed ta’ pilloli. It-tobba rċevew telefonata għall-għajnuna fl-12.22pm. Tlett minuti wara kienu waslu fuq il-post u jingħad li Jackson ma kienx qed jieħu nifs. Ittieħed fir-Ronald Reagal UCLA Medical Centre u ġie ddikjarat li kien miet fis-2.26pm, ħin Amerikan.

L-aħbar tal-mewt tiegħu ġriet malajr u ħafna siti u midja soċjali bħal Google, AOL Instant Messenger, Twitter u l-Wikipedia żdidilhom it-traffiku b’mod drastiku bejn il-11% u l-20%. Bdew minnufih jixxandru programmi maratoni fuq bosta stazzjonijiet tal-mużika waqt li stazzjonijiet televiżivi madwar id-dinja biddlu l-iskedi tagħhom biex setgħu ixandru programmi speċjali.

Il-qabar ta’ Jackson jinsab f’Holly Terrace of the Great Mausoleum li jinsab f’Forest Lawn Glendale. Il-memorial tiegħu sar fis-7 ta’ Lulju 2009 iżda qabel kien hemm wieħed privat għall-familjari tiegħu.

Dak li kein għall-pubbliku wassal biex 1.6 miljun fan tiegħu japplika għall-biljetti biex ikun jista’ jattendi l-aħħar tislima li kienet se tingħata lil dan il-kantant. 8,750 persuna ttellgħu bil-polza biex ingħataw żewġ biljetti kull wieħed.

Kien imbagħad fit-3 ta’ Settembru 2009, li Jackson tqiegħed fil-qabar fil-Forest Lawn Memorial Park fi Glendale fil-California.

Fil-qosor….

Michael Joseph Jackson twieled fid-29 ta’ Awwissu 1958. Kien iben Joseph u Katherine u kellu tlett ħutu bniet u ħames ħutu subien.

L-ewwel wirja li Michael kien ta fil-pubbliku kien meta fl-età ta’ 5 snin kien interpreta s-silta Climb Every Mountain.

Flimkien ma’ ħutu bħala The Jackson 5 fis-Snin 60 u 70 irrekordjaw siltiet bħal Big Boy, The Love You Save, I’ll Be There, Got to Be There, I Want You Back, u oħrajn.

Fl-1983, l-album tiegħu Thriller kien suċċess fenomenali madwar id-dinja u biegħ madwar 65 miljun kopja. Sal-lum dan l-album jibqa’ bħala l-aktar album mibjugħ ta’ kull żmien.

Michael Jackson kiser 23 rekord dinji tal-Guiness, 40 Billboard awards, 13-il Grammy u 26 American Music Award.

Fl-1994 hu kien iżżewweġ lil Lisa Marie Presley, bint Elvis, iżda ddivorzjaw wara 19-il xahar. Fl-1996 hu żżewweġ lil Deborah Jeanne Rowe. Minn dan iż-żwieġ twieldu  Michael Joseph Jackson Junior u Paris Michael Katherine Jackson. Iż-żwieġ tagħhom sfaxxa fl-1999.

Michael Jackson miet ftit żmien biss qabel tour li kien se jagħmel u li għalih il-biljetti kienu diġà nbiegħu kollha.