10 snin ħabs talli kkummenta kontra l-Iżlam online fil-Malasja

Raġel mill-Malasja ingħata sentenza ta’ aktar minn 10 snin ħabs talli għadda kummenti kontra l-Iżlam u kontra l-Profeta Muħammed fuq il-midja soċjali.

Din hi l-eħrex sentenza li qatt ingħatat f’każ bħal dan fil-Malasja, fejn il-maġġoranza tal-poplu hija Musulmana. Fl-aħħar xhur żdiedu t-tensjonijiet razzjali u reliġjużi fil-pajjiż.

L-Ispettur Ġenerali tal-Pulizija, Mohamad Fuzi Harun, qal fi stqarrija li l-akkużat wieġeb ħati ta’ 10 akkużi li uża l-mezzi soċjali b’mod mhux xieraq.

L-offiża għandha ġġorr magħha l-piena ta’ massimu ta’ sena ħabs jew multa jew it-tnejn.

Raġel ieħor wieġeb ħati talli uża l-midja soċjali biex jgħaddi kummenti anti-Iżlamiċi u għandu jitressaq il-Qorti t-Tnejn, filwaqt li tnejn oħra wieġbu mhux ħatja u qed jinżammu arrestati.

L-Ispettur qal li l-Pulizija tavża lill-pubbliku biex ma jabbużax mill-midja soċjali billi jaqsam xi forma ta’ provokazzjoni reliġjuża jew razzjali, għax din twassal għal tensjoni kbira fil-komunità.

Il-Ħamis li għadda, il-Ministru li jieħu ħsieb l-affarijiet reliġjużi, qal li d-Dipartiment għall-Affarijiet Iżlamiċi waqqaf taqsima apposta biex tispezzjona l-kitba u l-komunikazzjoni li tinsulenta lill-Iżlam u lil Muħammed. Huwa appella għall-kastigi xierqa għal dawk li jagħmlu dan.