10 snin ħabs konfermati talli stupra lil kuġintu ta’ 7 snin

Read in English.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza ta’ 10 snin ħabs għal raġel li abbuża sesswalment lil kuġintu fuq perjodu ta’ seba’ snin, minn meta hi kellha seba’ snin.

Ir-raġel, li issa għandu 26 sena, iżda kellu 17-il sena meta seħħ il-każ, kien appella s-sentenza wara s-sena li għaddiet instab ħati li pparteċipa f’attività sesswali ma’ minorenni u li stupraha.

It-tfajla, li s-sena l-oħra kellha 16-il sena meta xehdet, kienet qalet lill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li l-abbuż kien iseħħ fid-dar ta’ nannithom. F’Novembru tal-2017, l-iskola tat-tifla kienet ikkuntattjat lill-pulizija meta t-tifla bdiet tallega li kuġinuha kien abbużaha.

Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi, l-Imħallef Joseph Zammit McKeon u l-Imħallef Edwina Grima, innutat li għalkemm iż-żagħżugħ kellu 17-il sena meta beda l-abbuż, u b’hekk kien minuri, l-abbuż kompla anke meta dan qabeż l-età ta’ minuri.

Għaldaqstant, huma qablu li s-sentenza għandha tibqa’ dik li kienet, ta’ 10 snin priġunerija.