10 politiċi lokali Maltin maħtura biex jissieħbu fl-assemblea tar-reġjuni tal-UE

Għaxar politiċi Maltin u Għawdxin inħatru biex jissieħbu fil-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea, li hija l-assemblea politika tal-Awtoritajiet lokali u reġjonali.
Id-delegazzjoni proposta mill-Gvern Malti u approvata mill-Kunsill Ewropew, se tissieħeb fil-Kumitat li jirrappreżenta l-interessi tal-ibliet u r-reġjuni ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin.
Id-delegazzjoni Maltija, li hija magħmula minn ħames membri u ħames sostituti, se tagħmel parti mill-Assemblea l-ġdida tal-Kumitat tar-Reġjuni, li se tibda mandat ġdid ta’ ħames snin mix-xahar id-dieħel.
Id-delegazzjoni Maltija se tiltaqa’ għall-ewwel darba fit-12 ta’ Frar fi Brussell fl-ewwel sessjoni plenarja.
Matul din is-sessjoni, il-membri kollha tal-Kumitat tar-Reġjuni se jaħtru l-President u l-Viċi President tal-Assemblea.