Aġġornata (2): 2 tfajliet gravi f’inċident li wassal lil 10 persuni l-isptar

10 persuni ttieħdu l-isptar wara inċident bejn erba’ karozzi f’Pembroke billejl.

Kelliem għall-Pulizija informa lil Newsbook.com.mt li dan ġara fl-4am fi Triq Sant’Andrija. Fuq il-post issejħu uffiċjali tal-pulizija u ambulanzi, li ħadu lill-persuni midrubin l-isptar.

Mill-10 persuni, żewġ persuni ġew identifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi: waħda hi sewwieqa ta’ karozza minnhom, żagħżugħa ta’ 21 sena mis-Swieqi u l-oħra hija żagħżugħa Taljana li toqgħod San Ġwann u li għandha 16-il sena. Din kienet riekba f’karozza oħra.

Ħames persuni involuti oħra qed isofru minn ġrieħi ħfief. Dawn huma sewwieq ta’ karozza minnhom, raġel ta’ 42 sena mill-Isla, is-sewwieq Taljan ta’ 33 sena ta’ karozza oħra, li joqgħod Raħal Ġdid, u żagħżugħa Taljana ta’ 17-il sena li kienet riekba miegħu u toqgħod il-Għargħur, kif ukoll is-sewwieqa ta’ 23 sena tal-karozza l-oħra, u żagħżugħ Taljan ta’ 16-il sena li joqgħod Birkirkara u li kien riekeb magħha.

Tliet żgħażagħ ma sofrewx ġrieħi u b’hekk diġà telqu mill-isptar. Dawn huma tfajla ta’ 17-il sena li toqgħod Buġibba, żagħżugħ ta’ 16-il sena u żagħżugħ ieħor Taljan ta’ 19-il sena li joqgħod il-Mosta.