10 pariri dwar ix-xiri fil-Black Friday

Il-ġurnata magħrufa bħala Black Friday hi ċċelebrata fl-Istati Uniti il-Ġimgħa wara l-ġurnata tat-Thanksgiving f’dak il-pajjiż li dejjem tinżamm fir-raba’ Ħamis ta’ Novembru. Din is-sena l-ġurnata tal-Black Friday se taħbat il-Ġimgħa 29 ta’ Novembru. F’din il-ġurnata bosta ħwienet joffru skontijiet speċjali.  Din l-użanza daħlet anki fil-Gżejjer Maltin u għalhekk ikun jaqbel li qabel ma wieħed jersaq lejn il-ħwienet li joffru dawn l-offerti speċjali jaqra dawn l-10 pariri li ġejjin biex ma jingidimx f’dik il-ġurnata.

1. Kun preparata

Fil-Black Friday tidħolx f’ħanut bla ma tkun taf xi jkun hemm għall-bejgħ bi prezzijiet imraħħsa. Għalhekk agħmel ‘like’ fil-paġni ta’ dawk il-ħwienet favoriti tiegħek u rreġistra  fi Twitter biex jibagħtulek l-alerts biex tkun minn tal-ewwel li tkun taf x’se jkun hemm għall-bejgħ biex tixtri bi prezzijiet favorevoli.

2. Agħmel lista ta’ dak li tkun tixtieq

Tagħmilx l-iżball li tixtri xi ħaġa sempliċiment għaliex tkun bis-sale. Agħmel lista ta’ dawk l-affarijiet li tkun trid tixtri u pprova żomm magħha kemm jista’ jkun.

3. Qabel ma tmur fil-ħwienet iċċekkja l-prezzijiet online

Tkun idea tajba li tiċċekkja aktar minn website waħda biex tara fejn ikun l-aħjar li tmur tixtri. Xi prezzijiet ivarjaw minn ħanut għall-ieħor għall-istess oġġett.

4. Meta tixtri li apparat ‘tech’ kun ċert li taf x’inti tagħmel

Kemm jista’ jkun ixtri dak l-apparat  li jkun ta’ ditti magħrufa. Jekk le, fittex online u aqra xi jkun inkiteb dwaru, inkella staqsi għal parir mingħand xi ħadd midħla tas-suġġett.

5. Evita l-kjuwijiet

Jekk se tmur f’xi ħwienet qum kmieni aktar mis-soltu biex tevita li tinzerta f’xi kju li ma jispiċċa qatt. Xejn xejn, jekk tispiċċa qabel u jibqagħlek xi ħin fuq idejk dejjem tkun tista’ tmur f’xi kafètterija u tieħu biċċa kejk tajba ma’ kafè.

6. Iċċekkja l-midja soċjali tiegħek

Ħbiebek jew dawk li taf jista’ tkun li jmorru jixtru wkoll fil-Black Friday u għalhekk għandhom mnejn li jiktbu fuq is-siti soċjali fejn kisbu l-aħjar affarijiet bi prezzijiet tajba.

7. Iċċekkja l-policies tal-ħwienet minn qabel

Qabel ma tixtri iċċekkja l-policies tal-ħwienet għax jista’ jkun li wara li tixtri ssib li trid tbiddel xi ħaġa jew għax ma tkunx tiġikx kif suppost inkella ma tkunx taqbel, pereżemplu, mal-mobajl tiegħek. Ikun jaqbel li tkun taf dwar dawn il-policies dan qabel ma tixtri.

8. Ma jfisserx li għax ikun irħas ikun neċessarjament aħjar

Xi ħwienet jieħdu l-okkażjoni biex fil-ġurnata tal-Black Friday jeħilsu minn dawk l-oġġetti li jkunu għadda ż-żmien jew il-moda minn fuqhom. Għalhekk oqgħod attent minn prezzijiet li jkunu jidhru tajbin wisq għal dak li tkun se tħallas.

9. Ippjana fejn trid tmur tixtri

Qabel ma toħroġ mid-dar kun ċerta fejn se tmur tixtri: jekk hux il-Belt, Tas-Sliema jew xi mkien ieħor għax tispiċċa qisek il-mitlufa. Titlef ħafna ħin u jkollok ġurnata bla gost.

10. Agħmel baġit

Din tidher li hija xi ħaġa impossibbli imma agħmel somma safejn tista’ tasal tonfoq. Taqbisx il-baġit li tkun fassalt. Ma tridx tiġi fis-sitwazzjoni li għada s-Sibt tispiċċa bla flus il-kartiera jew fuq il-card tal-Bank. U ftakar li dalwaqt jasal ukoll il-Milied …