Aġġornata: Pariġi: Il-ħallelin jaħarbu waqt li l-Pulizija teħles lill-ostaġġi

Aġġornata fl-4.30pm:
Il-Pulizija ta' Pariġi rnexxielha teħles lill-ostaġġi miżmuma f’ħanut tal-ħwejjeġ, Primark, li kmieni dalgħodu ġie attakkat minn tlett irġiel aktarx bl-intenzjoni ta’ serqa.
Kienu b’kollox 18-il persuna maqfula fuq ġewwa tal-ħanut, mhux 10 kif kien maħsub oriġinarjament.
Imma waqt il-ħelsien tal-ostaġġi, anke t-tlett irġiel irnexxielhom jaħarbu bit-tfittxijiet intensivi għaddejjin bħalissa.
Ħadd mill-ostaġġi ma ġarrab ġrieħi.

Iktar kmieni:
Persuni armati qed iżommu mill-inqas għaxar persuni ostaġġi f’ħanut tal-ħwejjeġ ’il barra minn Pariġi.
S’issa jidher li l-ostaġġi qed jinżammu wara attentat ta’ serqa u l-awtoritajiet jidhru li qed jeskludu l-ipotesi ta’ attentat terroristiku.
Madankollu għaddejja ħidma bla waqfien mill-forzi tas-sigurtà bit-tama li joħorġu lill-ostaġġi.
Il-ħwienet taċ-ċentru kummerċjali li fih jinsab il-ħanut miżmum, ingħalqu kollha.
Jidher li l-attentat ta’ serqa seħħ ftit qabel is-7.00am minn tliet irġiel, aktarx wieħed minnhom ħaddiem tal-istess ħanut.