Aġġornata (4): Jitilgħu għal 20 il-vittmi f’ħabta bejn żewġ ferroviji fl-Italja

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=5AmVs9nQrcY]

L-aħħar figuri uffiċjali mill-awtoritajiet jgħidu li għoxrin persuna tilfu ħajjithom f'dan l-inċident ferrovjarju fin-nofsinhar tal-Italja. Għexieren oħra ndarbu f’ħabta bejn żewġ ferroviji tal-passiġġieri.
Fil-ħin tal-inċident, il-ferroviji kienu fuq l-istess linja f'Puglia, iżda kienu qed jinstaqu fid-direzzjoni opposta, bejn Bari u Barletta.
Servizzi tal-Emerġenza qed jippruvaw isalvaw il-passiġġieri minn qalb it-tifrik tal-kabini qrib il-belt ta’ Andria. Fost dawk salvati kien hemm tifel żgħir li ttieħed l-isptar.
Skont il-midja internazzjonali hu maħsub li hemm aktar vittmi.
Għadu mhux magħruf x'wassal għall-inċident, li seħħ għall-ħabta tal-11.30am.
L-awtoritajiet qed isejħu lid-donaturi tad-demm biex jagħtu l-għajnuna tagħhom. S’issa għadu mhux magħruf kemm kien hemm passiġġieri fuq iż-żewġ ferroviji. 
Minħabba l-inċident, il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi waqqaf il-vjaġġ tiegħu lejn Milan u rritorna Ruma.
Eluf ta' persuni jużaw din il-linja kuljum biex jaslu fit-tramuntana ta' Bari. Bħalissa qed issir ħidma biex ikun hemm żewġ linji tal-ferrovija.