10 jinqatlu f’inċidenti tat-traffiku fl-2014

Fl-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet, it-toroq Maltin ħallew żewġ vittmi biex b’hekk, matul l-2014 mietu b’kollox għaxar persuni – sitt irġiel u erba’ nisa.
Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) kkonfermaw li bejn Ottubru u Diċembru li għaddew kien hemm żieda fl-inċidenti tat-traffiku biex qabżu t-3,600 inċident.
Dan hu mal-medja tal-inċidenti għas-sena sħiħa, li tlaħħaq 1,200 inċident fix-xahar.
Il-parti l-kbira tal-inċidenti seħħew permezz ta’ karozzi tal-passiġġieri, li qabżu s-70% tal-inċidenti.
L-inċidenti bil-muturi kienu bejn wieħed u ieħor ta’ 15%.
Waqt li Birkirkara, segwita minn Ħal Qormi, żammew l-ewwel u t-tieni post għal fejn l-iktar li saru inċidenti – kemm fl-aħħar tliet xhur tas-sena kif ukoll għall-2014 kollha kemm hi – il-Marsa għaddiet lill-Imsida għat-total ta’ inċidenti fl-2014, minkejja li l-Imsida kellha t-tielet l-iktar inċidenti tat-traffiku bejn Ottubru u Diċembru.