9 immigranti jinżammu arrestati wara “r-rewwixta”

Disa' immigranti irregolari ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest wara li tressqu l-Qorti akkużati li lbieraħ filgħaxija qajmu rewwixta fil-Barracks ta’ Ħal Safi.
L-immigranti huma erba' Tuneżini, Eġizzjan, Sirjan, Marokkin u Libjan. 
Quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, l-akkużati wieġbu mhux ħatja, iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura tar-reat. 
Magħhom kien arrestat Palestinjan li jinsab rikoverat u se jitressaq il-Qorti separatament. 
Kien ilbieraħ għall-ħabta tat-8pm, li l-Pulizija mit-Taqsima tar-Rapid Intervention, mit-Taqsima tal-Ispecial Intervention u l-Għassa taż-Żurrieq issejħu fuq il-post.
Meta l-immigranti ttieħdu l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal iżjed stħarriġ, l-immigrant Palestinjan allegatament m’obdiex l-ordnijiet sabiex issir tfittxija fuq il-persuna tiegħu. Kien ukoll aggressiv fil-konfront tagħhom.
Ir-raġel imbagħad ittieħed iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, fejn irriżulta li weġġa’ gravi. Kellhom isirulu xi punti fuq in-naħa ta’ wara ta’ widintu.
Waqt dan l-argument saret xi ħsara wkoll fil-post.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat Grazio Mercieca, kif ukoll investigazzjoni interna.