10 ħaddiema tal-Isptar ta’ Għawdex kwarantina – Steward

4 ħaddiema morda u ma jafux kif

Beppe Galea

Read in English.

Għaxar ħaddiema mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex bħalissa qegħdin kwarantina wara li ġew f’kuntatt ma’ persuni li kellhom il-coronavirus.

Kelliem għal Steward Health Care qal lil Newsbook.com.mt li hemm 29 ħaddiem kwarantina peress li huma meqjusa bħala vulnerabbli jew peress li għandhom persuni meqjusa vulnerabbli d-dar tagħhom.

Steward Health Care qalet li informazzjoni dwar kemm hemm Għawdxin li għandhom il-coronavirus trid tinkiseb mill-awtoritajiet tas-saħħa. Il-kumpanija qalet li t-testijiet li jsiru fil-komunità u fil-Hub ta’ Għawdex ma jaqgħux taħt ir-responsabbilità tagħha.

Sal-bieraħ kien hemm 20 każi ta’ COVID-19 reġistrati f’Għawdex minn total ta’ 402.

4 ħaddiema morda

Skont il-kelliem hemm erba’ ħaddiema morda – żewġ carers u żewġ infermiera. Dawn mhumiex każi ġodda u huma parti mill-każi li diġà tħabbru mill-awtoritajiet.

L-awtoritajiet tas-saħħa għadhom ma jafux kif mardu dawn l-erba’ ħaddiema. S’issa saru 110 swab tests fuq il-ħaddiema tal-isptar.

Saru wkoll 392 swab tests fuq pazjenti. Dawn jinkludu nies li daħlu l-Emerġenża u nies li daħlu għal xi intervent l-isptar.

S’issa l-isptar daħħal ħames pazjenti tal-coronavirus. Dawn jinkludu l-każ tal-anzjana li kienet l-ewwel vittma tal-coronavirus f’Malta. Fl-isptar bħalissa hemm tliet pazjenti bil-COVID-19. Skont il-kelliem qegħdin f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba.

“Pazjenta oħra kienet l-isptar iżda s-sintomi tagħha huma ħfief u ntbgħatet id-dar biex tkompli tirkupra d-dar,” qal il-kelliem.

Steward qalet li dawn iċ-ċifri kienu validi sal-14 ta’ April.

Id-Day Care Unit jinbidel f’Infectious Diseases Unit

Skont il-kelliem għal Steward Health Care, bħalissa dak li kien id-Day Care Unit qed jaqdi l-funzjoni ta’ Infectious Diseases Unit. Spjega li sar it-tibdil meħtieġ inkluż dak strutturali.

“L-ispecjalisti u t-tobba f’dan il-Unit qegħdin f’kuntatt kontinwu mal-Infectious Diseases Unit tal-Isptar Mater Dei u mal-Infection Control Team tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex biex jiżguraw li jimxu mal-istess proċeduri għall-kura ta’ dawn il-pazjenti,” qal il-kelliem.

Newsbook.com.mt staqsa x’miżuri ttieħdu għaċ-ċirkolazzjoni tal-arja peress li l-binja tal-Barts mhix attrazzata daqs li kieku sptar. Staqsa wkoll xi proċeduri hemm jekk pazjent jidħol fl-Outpatients il-ġdida bil-COVID-19 b’sintomi oħra li mhumiex deni. Steward qak li l-binja ta’ Barts qed tintuza għas-servizz ta’ outpatients (clinic) u mhux bħala sptar. Intqal li l-pazjenti qed jiġu skrinjati bħall f’kull sptar ieħor fuq protokoll ipprovdut mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.

Newsbook talab ukoll għal kopja tal-arranġament bil-miktub bejn l-isptar u Barts, però l-isptar ma pprovdiex dan id-dokument.

Ritratti: L-iskola medika ta’ Għawdex tintuża bħala sptar – Steward

L-iskola medika ta’ Għawdex se tkun qed tintuża’ bħala sptar, skont Steward Health Care Malta. L-Erbgħa fi stqarrija, Steward Health Care Malta qalet li qed tintegra l-Barts Medical School Campus mal-preparamenti għall-coronavirus fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Steward Health Care ħabbret illi t-trasferiment ta’ 72 anzjan mir-Residenza Sant’Anna fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex għad-Downtown Hotel fir-Rabat stess, flimkien mal-impjegati tar-residenza, tlesta llum.

Il-lukanda f’Għawdex li fiha kienet taħdem pazjenta bil-coronavirus hija l-istess waħda li fiha ġew trasferiti l-anzjani mir-Residenza Sant’Anna.

Għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt fil-jiem li għaddew dwar l-isptar t’Għawdex, is-Supretendent għas-Saħħa Prof. Gauci qalet li hemm il-faċilità ta’ isolation unit. Qalet li l-PPE (ilbies protettiv) qed jingħata lill-istaff li għandu bżonn u skont l-interventi li qed jagħmlu fuq il-pazjenti. Qalet li t-taħriġ huwa importanti ħafna u dawn jintużaw minn persuni li jiġu mħarrġa jagħmlu dan u li verament għandhom bżonnhom.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn