10 direttivi għall-infermiera fl-isptarijiet ta’ Steward Health Care

Read in English.

L-Union Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ħarġet 10 direttivi għall-infermiera impjegati minn Steward Health Care minħabba li sostniet li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-infermiera mhumiex l-istess bħal dawk li jaħdmu fl-isptarijiet tal-Gvern.

Fi stqarrija ġie spjegat li Steward Health Care adotta mekkaniżmu difensiv li wassal sabiex l-infermiera jispiċċaw iridu jagħmlu xogħol li ma jaqax taħt il-kompetenza tagħhom. Qalet ukoll li l-MUMN tat biżżejjed żmien lil Steward sabiex jadotta prattiċi simili għal dawk ta’ San Vinċenz de Paule u l-Isptar Mater Dei, imma insistiet li l-prattiċi ma ġewx materjalizzati.

Intant l-MUMN qalet li d-direttivi għandhom jidħlu fis-seħħ fl-24 ta’ Mejju mis-7am ‘il quddiem.

X’jgħidu d-direttivi?

  1. Li għas-sigurtà tal-pazjenti, il-pazjenti kollha li ġew ordnati li jkollhom superviżjoni waqt l-ikel, il-ħasil jew il-mixi ma għandhomx jiġu mċaqalqa sakemm ma jkunx hemm żieda ta’ carer fil-ward.
  2. Jekk ma jkunx hemm Infermier Kliniku jew Deputat Infermier Kliniku, l-aktar persuna ogħlja mill-infermiera preżenti ma għandhiex tieħu r-responsabbiltà tal-allokazzjoni tal-pazjenti.
  3. Il-livelli ta’ staff preżenti jridu jkunu hekk: filgħodu ħames staff nurses u infermiera waħda li tmexxi; waranofsinhar tliet staff nurses u infermiera li tmexxi, bil-lejl tliet staff nurses iridu jkunu preżenti. Jekk ma jkunx hemm dan l-ammont ta’ persuni, l-infermiera ma jaħslux lill-pazjenti, ma jbiddlux ħrieqi u lanqas ma jċaqalqu lill-pażjenti.
  4. L-infermiera ma għandhomx jimlew u jiffirmaw il-care plans.
  5. L-ewwel infermiera bil-leave u l-ewwel nofs ġurnata ta’ leave trid tiġi awtomatikament approvata mingħajr bżonn ta’ approvazzjoni mill-uffiċju.
  6. Menus ma għandhomx jiġu ffirmati mill-istaff nurse.
  7. Formoli li joħorġu minn Steward Health Care li jitolbu superviżjoni ta’ pazjenti fil-ħinijiet tal-break ma għandhomx jiġu mimlija jew iffirmati.
  8. Infermiera bis-sick leave għandhom jinfurmaw biss lill-wards rispettivi tagħhom u mhux lis-sigurtà tal-isptar jew xi entità oħra.
  9. L-overtime kollu jrid jiġi kkonfermat fi żmien tliet ijiem li jintalab. Jekk dan ma jiġi konfermat, l-infermiera jistgħu jirrifjutaw l-overtime u jaċċettaw overtime fl-Isptar Mater Dei.
  10. Il-formoli tal-attendenza jridu jkunu l-istess bħal dawk tal-isptarijiet tal-Gvern. Iridu jkunu fil-wards u jekk dawn ma jkunux hemm, l-infermiera mitluba biss jiffirmaw b’isimhom u kunjomhom, mingħajr ma jiktbu l-punch clock number.