10 bdiewa jkabbru b’mod organiku f’Malta

Għaxar bdiewa Maltin huma ċċertifikati li qed ikabbru prodotti organiċi.
Dan joħroġ minn tweġiba mogħtija mill-Ministru għall-Affarijiet tal-Konsumatur Helena Dalli fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea.
Il-bdiewa inkwestjoni jaħdmu l-għelieqi tagħhom fi tmien lokalitajiet differenti madwar Malta u waħda f’Għawdex.
Il-Mellieħa hi l-unika lokalità b’żewġ bdiewa ċertifikati mill-MCCAA li jkabbru prodotti organiċi. Il-lokalitajiet l-oħra huma: Raħal Ġdid, Qormi, Tarxien, il-Fawwara limiti tas-Siġġiewi, l-Imġarr il-Qala, il-Marsa u Ħad-Dingli.
Għajr għall-tlieta, il-bdiewa inkwestjoni jkabbru iktar minn prodott wieħed bil-maġġoranza jkabbru siġar tal-frott. Hekk, sebgħa bdiewa jkabbru dwieli u daqstant ikabbru żebbuġ.
Erba' bdiewa jkabbru fierxa wiesgħa ta’ prodotti inkluż prodotti ortikulturali, ħwawar, legumi, u għalf għall-animali.