Jitma’ 10,000 persuna minn 20 tunnellata ta’ ikel li kien se jintrema

F’temp ta’ 10 xhur, ‘kafetteriji soċjali’ fir-Renju Unit temgħu 10,000 persuna minn 20 tunnellata ta’ ikel li kien se jintrema.
Fid-dawl ta’ dan, Adam Smith, il-fundatur ta’ The Real Junk Food Project f’Leeds, qed jitlob biex tinbidel il-liġi biex tonqos il-ħela tal-ikel.
Adam, li għandu 29 sena u mħarreġ bħala kok, isajjar stuffati, sopop u kejkijiet minn dak li jkun se jintrema mis-supermarkets u l-ħwienet tal-merċa.
Għal dan l-ikel il-klijenti jistgħu jħallsu kemm iridu, u jekk ma jkollhomx flus jistgħu jgħinu fil-ħasil tal-platti jew tal-kafetterija.
Dan il-proġett kien ta’ ispirazzjoni biex infetħu 47 kafetterija oħra fl-aħħar xhur – fost l-oħrajn f’Manchester u fi Bristol.