10,000 Malti mistennija jipparteċipaw fil-Ġimgħa Ewropea tal-Isport

Malta se tieħu sehem fil-Ġimgħa Ewropea tal-Isport li se ssir bejn is-7 u t-13 ta’ Settembru. B’kollox f’Malta mistennija jipparteċipaw ‘il fuq minn 10,000 persuna.
Il-Kunsill Malti għall-Isport li hu l-kordinatur Nazzjonali tal-European Week of Sport f’Malta, diġà ħejja programm vast t’attivitajiet sportivi li jinkludu Beach Sports, Sports Fest għall-familji, estensjoni tal-programm Summer on the Move, turnament internazzjonali tal-Badminton, wheelchair basketballshow taż-żfin, sessjonijiet ta’ kayaking b’xejn kif ukoll attività innovattiva ta’ indoor rowing biex tikkumplimenta r-regatta tradizzjonali.  
Minbarra dawn l-attivitajiet, il-KMS qed jaħdem fuq bosta attivitajiet oħrajn ma’ għadd ta’ assoċjazzjonijiet, klabbs sportivi u operaturi fis-settur tal-isport biex jitħajru kemm jista’ jkun nies, li jibdew jipprattikaw xi forma ta’ attività fiżika. 
Tnediet ukoll l-kompetizzjoni #MyWeek #BeActive li fiha l-pubbliku qed ikun mistieden jipparteċipa, billi jtella’ ritratti fuq Facebook, Twitter jew Instagram fil-ġimgħa li fihom ikun jidher jipparteċipa f’tal-inqas 3 attivitajiet fiżiċi bħall-mixi, għawm u ġiri. 
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol hawn jew jikkuntattja lill-KMS fuq kms@sportmalta.org.mt.