1 minn kull 5 żgħażagħ f’riskju ta’ dipressjoni – Aġenżija Żgħażagħ

Read in English.

Wieħed minn kull ħames żgħażagħ f’Malta bejn l-età tat-18 u l-24 sena jinsabu f’riskju li jaqgħu f’dipressjoni. Dan intqal fi stqarrija ta’ Aġenzija Żgħażagħ bħala parti mit-tnedija tal-proġett bl-isem ta’ “Trust yourself to talk. Anxiety is this you?” (Afda lilek inniffsek biex titkellem. Din ansjetà?) li se jkun qed jindirizza r-riperkussjonijiet tal-ansjetà.

Il-proġett kien imniedi fil-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali li kien fl-10 ta’ Ottubru u se jkun viżibbli kemm online fuq il-midja soċjali, kif ukoll permezz tal-midja tradizzjonali u fit-toroq.

Aġenzija Żgħażagħ qalet li din is-sena, il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali ġie fi żmien fejn il-ħajja ta’ kuljum imbidlet b’mod konsiderevoli minħabba l-pandemija tal-coronavirus. L-aħħar xhur ġabu magħhom diversi sfidi għaż-żgħażagħ fost l-oħrajn minħabba tnaqqis drastiku fin-numru ta’ avvenimenti, minħabba li kellhom jadattaw għal sistema edukattiva differenti bi ftit kuntatt mal-għalliema u sħabhom, bil-biża’ li se jpoġġu lil qrabathom f’riskju jekk imorru lura d-dar pożittivi minn fuq il-post tax-xogħol u jħossuhom ansjużi minħabba l-futur tagħhom.

Aġenzija Żgħażagħ innutat li mal-150,000 persuna f’Malta jaffaċċjaw problemi ta’ saħħa mentali f’xi punt f’ħajjithom, b’75% ta’ dawn jesperjenzaw l-ewwel sintomi qabel l-età ta’ 25 sena.

Qalet li dawn iċ-ċirkustanzi nkoraġġixxewha biex tibda din l-inizjattiva. Aġenzija Żgħażagħ qed tippjana li tagħmel minn kollox biex tinkoraġġixxi liż-żgħażagħ jitkellmu dwar il-problemi tas-saħħa mentali biex b’hekk iwasslu għat-tmiem tal-istigma u d-diskriminazzjoni madwar is-suġġett.

Għal aktar informazzjoni dwar dan il-proġett għafas hawn.