1 minn kull 4 jsofri minn uġigħ kroniku meta jaqbeż l-45 sena

Wieħed minn kull erba’ persuni li għandhom 45 sena jew aktar jispiċċaw isofri minn uġigħ kroniku, filwaqt li meta wieħed iħares lejn iż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-24 sena, jara li l-uġigħ kroniku jiżviluppa f’medja ta’ wieħed minn kull 10.

Dan ħareġ minn riċerka ta’ Malta Health Network permezz ta’ proġett ta’ riċerka dwar l-impatt tal-uġigħ kroniku fuq il-popolazzjoni Maltija.

Uġigħ kroniku huwa dak it-tip ta uġigħ li jibqa’ jippersisti għal aktar minn tliet xhur. Mir-riċerka li saret f’Malta matul l-2017 instab li xi persuni rrappurtaw uġigħ persistenti ta’ sentejn jew aktar. Mill-informazzjoni li ħarġu nstab li 20% tal-popolazzjoni adulta Maltija, tesperjenza uġigħ kroniku, filwaqt li 40% tal-popolazzjoni żagħżugħa tgħid li ma tistax tipparteċipa f’ċerti avvenimenti soċjali minħabba l-istat fiżiku jew emozzjonali.

Skont l-istudju, mard bħall-artrite, uġigħ fil-ġogi u l-fibromjalġja jikkonstitwixxu għal 75% tal-kawżi tal-uġigħ kroniku, filwaqt li 20% jirriżulta minn uġigħ ta’ ras kroniku u l-migranja. Il-bqija huwa kawża ta’ mard kardjovaskulari, il-kanċer, ċirkolazzjoni bagħtuta u korrimenti.

Jispjegaw li dan l-uġigħ ħafna drabi jillimita l-attivitajiet ta’ kuljum, u jagħmilha diffiċli għal persuni biex per eżempju jerfgħu basket b’xi xirja, jew anke jinħaslu, jimxu għal distanzi qosra, jaqbdu tal-linja u jsuqu karozza.

L-uġigħ kroniku jista’ jwassal sabiex 86% tal-persuni li jsofru minnu  jitilfu minn tal-inqas ġimgħa xogħol fis-sena, oħrajn kellhom inaqqsu s-sigħat tax-xogħol, jew jibdlu l-karriera.

Abbażi tar-riċerka, il-Malta Health Network insistiet li hemm bżonn li l-uġigħ kroniku jiġi mħares bħala marda. Sostniet li hemm bżonn tiġi kkreata policy ħolistika li tipprovdi informazzjoni dwar kif dan it-tip ta’ uġigħ jista’ jiġi prevenut fejn possibbli u li jkun faċli għall-persuni li jsofru minnu sabiex jaċċessaw il-mediċini u l-kura neċessarja. Insistew li hemm bżonn Pjan Nazzjonali għall-Uġigħ li jaqqad bosta Ministeri flimkien hekk kif isostnu l-uġigħ ma jaqax biss taħt il-Ministru tas-Saħħa.