1 minn kull 4 itfal fl-UE huwa fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali- QEA

Skont rapport ġdid mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), huwa kważi impossibbli li jiġi vvalutat il-mod kif l-UE tikkontribwixxi għall-isforzi tal-Istati Membri biex inaqqsu l-faqar fost it-tfal. Il-QEA sostniet li kważi wieħed minn kull erba’ tifel u tifla fl-UE huma fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali.

Fi stqarrija l-Qorti Ewropea tal-Awdituri qalet li r-rilevanza u s-saħħa tal-istrumenti tal-UE eżaminati huma limitati minħabba li dawn mhumiex legalment vinkolanti, filwaqt li għodod aktar b’saħħithom, bħas-Semestru Ewropew jew l-appoġġ mill-fondi tal-UE, rari jindirizzaw b’mod speċifiku l-faqar fost it-tfal. Għalhekk, huwa diffiċli li jiġi ddeterminat jekk l-azzjoni tal-UE tikkontribwix b’mod effettiv għall-isforzi biex jiġi indirizzat dan it-tħassib importanti, jgħidu l-awdituri.

L-istudji wrew li l-benefiċċji ekonomiċi tal-investiment fit-tfal huma sinifikattivament akbar mill-ispejjeż finanzjarji inizjali.

Il-QEA sostniet li fl-UE, il-ġlieda kontra l-faqar fost t-tfal tinsab f’idejn kull Stat Membru. L-irwol tal-Kummissjoni Ewropea huwa li tikkumplimenta u tappoġġa l-azzjonijiet nazzjonali rigward il-faqar fost it-tfal permezz ta’ strumenti kemm legali kif ukoll finanzjarji.

L-awdituri fittxew li jivvalutaw kemm l-azzjoni tal-UE ikkontribwiet b’mod effettiv bl-użu ta’ dawn l-għodod għall-isforzi tal-Istati Membri. Huma jqisu li r-Rakkomandazzjoni 2013 tal-Kummissjoni “L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ” kienet inizjattiva pożittiva tal-UE biex jiġi miġġieled il-faqar fost it-tfal b’mod integrat. Minkejja dan, minħabba n-nuqqas ta’ miri li jistgħu jitkejlu u ta’ stadji importanti huwa impossibbli li jiġi vvalutat kemm ġiet implimentata tajjeb. L-awdituri kkonkludew li r-Rakkomandazzjoni kellha biss impatt minimu fuq il-politiki nazzjonali tal-Istati Membri.

Bil-ħsieb li tikkontribwixxi għall-inizjattivi futuri tal-UE għall-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid, l-awdituri jirrakkomandaw li l-Kummissjoni Ewropea:

  • tinkludi azzjonijiet u objettivi biex tindirizza l-faqar fost it-tfal fil-pjan ta’ azzjoni għall-EPSR tagħha;
  • tiżgura gwida interna ċara għal sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal CSR potenzjali li tindirizza direttament il-faqar fost it-tfal;
  • timmira u timmonitorja l-investimenti biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal fil-perjodu 2021-2027; u
  • tiżgura li jkun hemm evidenza affidabbli suffiċjenti li tappoġġa l-Garanzija għat-Tfal, li ġejja.