1,800 omm jibbenifikaw minn childcare b’xejn minn nhar it-Tlieta

Il-Gvern iffirma l-ftehim uffiċċjali ma’ dawk li se jipprovdu s-servizzi taċ-childcare b’xejn għal dawk il-ġenituri li jaħdmu.
Dan il-ftehim kien iffirmat mill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo u l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna.
Is-servizz taċ-childcare b’xejn mistenni jwassal għal żieda ta’ 350,000 siegħa ta’ servizz taċ-childcare bejn April u Diċembru ta’ din is-sena meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
1,800 omm mistennija jibbenifikaw minn dan is-servizz bla ħlas minn nhar it-Tlieta li ġej.
It-tfal mistennija jqattgħu madwar erba’ sigħat aktar, bil-medja bħalissa hija dik ta’ 22 siegħa fil-ġimgħa.
Fi stqarrija ntqal li dan il-ftehim ifisser li €1 miljun aktar se jkunu allokati għal dan is-servizz taċ-ċhildcare.
Il-Professur Scicluna qal li l-Gvern qed iħares ‘l quddiem lejn servizz ta’ childcare b’xejn bħala soluzzjoni ewlenija għar-rata baxxa ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol.
Filwaqt li qal li s-servizz taċ-childcare hu ferm importanti għal dawk l-ommijiet li jaħdmu, il-Ministru Evarist Bartolo ħeġġeġ lil dawk kollha li se joffru dan is-servizz sabiex jagħtu l-aqwa servizz possibbli fl-interess tat-tfal.

Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott