1,800 familja jinfirdu fil-fruntiera tal-Messiku

Madwar 1,800 familja immigranta ġew separati fil-fruntiera ta’ bejn il-Messiku u l-Istati Uniti bejn Ottubru tal-2016 u Frar ta’ din is-sena.
Skont Reuters dan ikkonfermah uffiċjal tal-Gvern Amerikan filwaqt li l-President tal-Istati Uniti implementa kontroll aktar strett tal-fruntiera.
Dawn huma l-ewwel figuri maħruġin uffiċjalment mill-amministrazzjoni li juru kemm familji ġew affetwati minħabba l-policies ġodda. Qabel il-figuri pprovduti minn uffiċjali kienu jkopru biss perjodu ta’ ġimgħatejn f’Mejju.
L-uffiċjal tal-Gvern ried jibqa’ anonimu. Hu sostna li minkejja dan in-numru sa Frar, fl-aħħar ġimgħat kien hemm żieda aktar drastika u xokkanti minħabba l-policies ġodda li daħlu fis-seħħ.
Fl-aħħar jiem kien tħabbar li awtoritajiet tal-Istati Uniti se jkunu qed jitrasferixxu madwar 1,600 immigrant li bħalissa jinsabu detenuti mill-Immigration and Customs and Enforcement (ICE), f’ħabsijiet madwar l-Amerka.
Ritratt: Reuters