1,600 persuna ngħataw l-għajnuna mis-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar fl-2015

Ftit aktar minn 700 persuna ngħataw l-għajnuna mill-lifeguards tas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar matul l-2015, filwaqt li 900 persuna oħra ingħataw għajnuna mis-servizz tal-ambulanza tal-istess Soċjetà.
Fl-2015, is-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar ipprovdiet servizzi tal-ewwel għajuna f’503 każ, kif ukoll servizzi ta’ water rescue u lifeguards fi tmien postijiet, b’total ta’ 10,000 siegħa.
Dan meta aktar minn 4,000 persuna ingħataw taħriġ dwar l-ewwel għajuna mill-membri tas-Soċjetà.
Il-ħidma tas-Soċjeta`żvolġiet ukoll fil-qasam soċjali fejn 870 persuna, meqjusa bħala vulnerabbli, ġew megħjuna b’assistenza psikoloġika u servizzi li huma mmirati biex isaħħu ir-rabta familjari. 
Matul is-snin, is-Soċjeta tas-Saliba l-Aħmar kompliet issaħħaħ is-servizz tagħha biex tkun ippreparata f’każ ta’ emerġenza.
L-Operations Director Robert Brincau enfasizza li s-Soċjetà għandha ambulanzi, rigid hull inflatable boats, jet skis, kliniċi u ċentru operattiv mobbli, trakkijiet u National Disaster Hub f’Pembroke.
Id-Direttur Ġenerali tas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar Paulette Fenech qalet li l-maġġoranza tal-inċidenti jistgħu jiġu evitati b’naqra attenzjoni.
Min-naħa tiegħu, il-President tas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar Edward Grupetta qal li huwa important li f’kull post tax-xogħol u f’kull organizzazzjoni jkun hemm min huwa mħarreġ b’mod professjonali biex iwassal l-ewwel għajnuna f’każ ta bżonn. 
Is-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar qed tagħmel sejħa għall-voluntiera sabiex tkompli ssaħħaħ is-servizz tagħha.
Dawk kollha nteressati huma mħeġġa jżuru l-paġna tal-facebook www.facebook.com/maltaredcross jew jibgħatu imejl fuq: info@redcross.org.mt