​1,500 ritratt tat-tfal jinxterdu onlajn mill-ġenituri qabel it-tfal jagħlqu l-5 snin

Il-ġenituri jqassmu medja ta’ 1,500 ritratt tat-tfal tagħhom onlajn, qabel ma jagħlqu l-ħames snin.
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal fi stqarrija rrefera għal studju li sar minn Nominet, bl-isem ta’ Share with Care.
Irrimarka li bħalissa għaddejja kampanja biex l-internet jintuża bil-qies u b’mod għaqli, fost l-oħrajn attivitajiet fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex.
It-tema ta’ din is-sena hi ‘Oħloq, ikkonnettja u ifrex ir-rispett: Internet aħjar jibda bik’.
Għal dan il-għan se jkun hemm laqgħat speċjali tal-istudenti, diskussjonijiet mal-professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam, lezzjonijiet dwar is-sigurtà tal-internet, krafts u qari tal-istejjer.  
Se jitqassam ukoll poster dwar id-drittijiet diġitali tat-tfal fost it-tfal kollha tal-5 u s-6 sena li jattendu fl-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti.
L-Uffiċċju saħaq li hemm rwol importanti biex l-internet mhux biss ikun iktar sigur iżda jintuża wkoll b’mod responsabbli, rispettuż, kritiku u kreattiv.
Fil-kampanja BeSmartOnline qed jipparteċipaw l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal, l-Awtorità Maltija għall-Kommunikazzjoni, l-Aġenzija Appoġġ u d-Direttorat tal-Programmi għat-Tagħlim u tal-Assessjar fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Nhar it-Tnejn se jkun hemm tim f’The Point bejn l-10am u l-4pm biex iqassmu materjal ta’ għarfien kif ukoll iwieġbu mistoqsijiet tal-pubbliku.