1,500 prosekuzzjoni f’9 xhur f’kawżi tat-traffiku

L-Avukati fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mexxew kważi 1,500 prosekuzzjoni f’disa’ xhur.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li f’kull seduta jsir is-smiegħ ta’ bejn 40 u 60 kawża u b’kollox bejn l-4 t’Ottubru 2016 u l-11 ta’ Lulju 2017 saru 30 seduta.
Il-Ministru Bonnici qal li l-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ilhom jassistu fil-prosekuzzjoni f’kawżi tat-traffiku fil-Qorti tal-Maġistrati sa mill-4 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra.
Ħabbar li l-proġett huwa maħsub li jiġi estiż għal ċerti kumpilazzjonijiet speċjalment għal dawk dwar reati iżjed gravi.
Is-seduti jsiru kull nhar ta’ Tlieta u Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali dejjem ikun preżenti għal dawn is-seduti. 
Sostna li dan il-proġett joffri l-vantaġġ illi jsaħħaħ il-prosekuzzjoni, jipprepara lill-Avukati fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali aħjar għall-prosekuzzjonijiet u jħejji t-triq biex aktar prosekuzzjonijiet quddiem il- Qorti tal-Maġistrati jsiru mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.