1,387 żwieġ fil-Knisja f’Malta matul l-2014

Kienu 1,387 iż-żwiġijiet fil-Knisja li ġew irreġistrati fl-Arċidjoċesi ta’ Malta matul l-2014.
Din tissarraf f’żieda marġinali fuq is-sena ta’ qabel.
Miż-żwiġijiet tal-2014, 1,183 kienu bejn koppja Maltija filwaqt li 53 żwieġ bejn Maltin u barranin.
Dawn kienu kienu mqassmin f’29 żwieġ bejn Kattoliċi Maltin u Kattoliċi barrani. 20 żwieġ bejn Kattoliċi Maltin u Insara mhux Kattoliċi barranin.
Kien hemm ukoll erba' żwiġijiet ta’ Maltin ma barranin li mhumiex Insara.
Ġew irreġistrati 13-il żwieġ bejn Maltin li qed jgħixu f’pajjiżi oħra u 138 żwiġijiet bejn koppji barranin.
It-53 persuna minn pajjiżi oħra li fl-2014 ingħaqdu fi żwieġ fil-Knisja ma’ persuni Maltin kienu 27 raġel u 26 mara, minn 26 pajjiż differenti.
Ewlenin fosthom kienu 11 mill-Italja u 10 mill-Ingilterra.
L-aktar xhur popolari għaż-żwiġijiet kienu Mejju, Ġunju u Lulju.
L-aktar etajiet komuni tal-koppji li żżewġu s-sena l-oħra kienu bejn l-20 u d-29 sena.
Fl-2014 kien hemm 48 żwieġ li ġie konvalidat. Żwieġ konvalidat huwa żwieġ ċivili li maż-żmien il-koppja titlob li jsir bil-Knisja.
Fl-istess perijodu kien hemm sitt romol li reġgħu żżewġu, kif ukoll 28 persuna li reġgħu żżewġu wara li l-ewwel żwieġ tagħhom ġie dikjarat null.
L-informazzjoni kollha nġabret mill-Uffiċċju Żwiġijiet tal-Kurja tal-Arċisqof u ma tinkludix iż-żwiġijiet li saru fid-Djoċesi ta’ Għawdex.
Illejla, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, l-Amministratur Appostoliku, l-Isqof Charles Scicluna se jiċċelebra Quddiesa għal dawk il-koppji li żżewġu matul l-2014.
Din iċ-ċelebrazzjoni hija organizzata mill-Moviment ta’ Kana.