1,319 żwieġ bil-Knisja fl-2013

Matul is-sena l-oħra f’Malta kien hawn 1,319 il-żwieġ fil-Knisja. Fil-parti l-kbira tagħhom – jiġifieri 1,136 – dawn iż-żwiġijiet kienu bejn Maltin.  

Il-Kurja ta’ Malta qalet li kien hemm 62 żwieġ bejn Maltin u barranin, li minnhom nofshom kienu bejn Kattoliċi Maltin u Kattoliċi barranin.

Kien hemm ukoll 31 –il żwieġ bejn Kattoliċi Maltin u persuni li m’humiex Kattoliċi.

Fl-istess sena, ġew reġistrati wkoll 12-il żwieġ bejn Maltin li qed jgħixu f’pajjiżi oħra, u 109 żwiġijiet fil-Knisja bejn koppji barranin. 

Jirriżulta li fejn jidħlu żwiġijiet ma’ barranin, il-Maltin l-iktar li jiżżewġu huma persuni mill-Italja u mill-Ingilterra.

L-aktar xhur popolari għaż-żwiġijiet kienu Mejju, Ġunju u Lulju, filwaqt li l-aktar etajiet komuni għall-koppji li żżewġu s-sena l-oħra kienu dawk bejn l-20 u d-29 sena.

Fl-2013 kien hemm 64 żwieġ li ġie konvalidat. Żwieġ konvalidat huwa żwieġ ċivili li maż-żmien il-koppja titlob li jsir bil-Knisja.

Fl-istess perijodu kien hemm 10 persuni romol li reġgħu żżewġu, kif ukoll 32 persuna li reġgħu żżewġu wara li l-ewwel żwieġ tagħhom ġie dikjarat null.

Il-Kurja ta’ Malta ippreċiżat li dawn iċ-ċifri jeskludu ż-żwiġijiet li saru fid-Djoċesi ta’ Għawdex.

Intant, illejla l-Arċisqof Pawlu Cremona se jiċċelebra Quddiesa ghal dawk il-koppji li żżewġu s-sena l-oħra. Din se ssir fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta fis-6.30pm u hija organiżżata mill-Moviment ta’ Kana.