1,275 Maltija jmorru r-Renju Unit għall-abort

Mill-1990 sal-2012 kien hemm 1,275 każ ta’ nisa Maltin li għamlu abort fl-Ingilterra jew Wales.  Dan ifisser li fuq medda ta’ 22 sena, kull sena, 58 mara Maltija għamlu abort.
Iċ-ċifri nġabru minn diversi rapporti dwar is-saħħa li saru tul is-snin fir-Renju Unit.

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali Malti għall-Istatistika, bejn l-1990 sal-2008 kien hemm 439 mara taħt il-25 sena u 585 mara li għandhom iktar minn 25 sena, li marru l-Ingilterra jew Wales għal abort.

L-aħħar rapport ippubblikat mid-Dipartiment għas-Saħħa fir-Renju Unit fl-2012, juri li kien hemm 59 mara Maltija li għamlu abort fir-Renju Unit. Dan ifisser 1% tal-aborti kollha li saru min-nisa mhux residenti fir-Renju Unit.
Fl-istess sena, b’kollox kien hemm 5,850 mara mhux residenti fir-Renju Unit li wettqu abort fi sptarijiet u kliniċi fl-Ingilterra u Wales. 

Fl-2012, il-Maltin kienu r-raba’ l-iktar nisa Ewropej li għamlu abort fl-Ingilterra u Wales.  L-iktar li wettqu abort kienu n-nisa mir-Repubblika tal-Irlanda (3,982 abort).  Warajhom hemm l-Italja (113 abort), Franza (82 abort), Malta (59 abort) u l-Polonja (34 abort). 
L-inqas sena li matulha saru aborti mill-Maltin kienet l-2008 meta kien hemm 38 każ ta’ abort.  L-2009 kienet sena rekord meta l-aborti mill-Maltin fir-Renju Unit ammontaw għal 78.

Sa issa ma jeżistux iktar statistiċi dwar kemm saru aborti minn Maltin f’pajjiżi oħra.
 

SenaAborti minn Maltin fir-Renju Unit
199042
199147
199251
199345
199443
199540
199661
199764
199859
199949
200067
200157
200269
200347
200467
200554
200655
200769
200838
200978
201051
201163
201259
Total1,275